Futbol Sport

Inter fis-semifinali tal-Coppa Italia b’gowl sabiħ ta’ Barella

(Ritratt: EPA)

Inter irritornaw għar-rebħ biex għaddew għas-semifinali tal-Coppa Italia b’appuntament fuq żewġ logħbiet kontra Napoli. Ir-rebħa ta’ 2-1 kontra Fiorentina kienet diffiċli iżda għal Inter kien importanti li javvanzaw f’din il-kompetizzjoni wara tliet draws konsekuttivi. fil-kampjonat. Is-semifinali l-oħra hi bejn Juventus u Milan.

Inter marru fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima b’azzjoni maħduma tajba li fiha Lautaro Martinez antiċipa lil Federico Ceccherini u qassam lejn ANTONIO CANDREVA li skorja minn qagħda ideali fil-kaxxa.

Fiorentina ġabu d-draw mas-siegħa logħob meta minn korner mil-lemin, MARTIN CACERES żmarka l-markatura ta’ Lautaro Martinez u għeleb lil Samir Handanovic b’daqqa ta’ ras.

Fis-66 minuta, daħal minflok Alexis Sanchez, l-aħħar akkwist Christian Eriksen. Inċidentalment ftit sekondi wara Inter reġgħu marru fil-vantaġġ bi kross mil-lemin jiġi mbiegħed parzjalment minn Nikola Milenkovic, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ NICOLÒ BARELLA li stenna l-ballun jaħbat u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Pietro Terracciano.