Sport Sport Ieħor

Karl Micallef jikseb it-tieni rebħa tal-istaġun fi Klassi A tal-kampjonat Autocross

(Ritratt: Mario Micallef)

L-assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat il-ħames attività mill-kampjonat Autocross Pasta Poiatti. Total ta’ 11-il kompetitur kollha fil-klassi Modified, irreġistraw għal din l-attività.

Fi Klassi A, Karl Micallef fuq Opel Corsa rreġistra t-tieni rebħa f’dan l-istaġun, segwit minn Andrew Pisani fuq Opel Nova u Paul Grech fuq Peugeot 106. Kien Noel Zammit fuq Fiat Punto li ddomina l-heats tal-ġurnata iżda mat-tluq tal-finali, Micallef mar fuq quddiem segwit minn Noel Vella fuq Ford Fiesta u l-istess Zammit. Vella u Aquilina ħadu l-Joker Lap fl-ewwel dawra, b’tal-ewwel imur fuq quddiem. Iżda Vella kellu jirtira meta l-karozza Fiesta tiegħu żviluppatilha ħsara fil-magna u kien kostrett li jirtira. B’hekk Micallef tela’ fil-quċċata u baqa’ fl-ewwel post sat-tmiem.

Fi Klassi B, Justin Buttigieg fuq Opel Nova ħareġ rebbieħ qabel Nicovich Chircop fuq Peugeot 106, Kyle Agius fuq Opel Nova u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa. It-tellieqa kellha ħruġ tajjeb iżda kellha tieqaf fl-ewwel dawra minħabba li Camilleri qabad it-tyres mal-ġenb tal-korsa u nqaleb. It-tellieqa twaqqfet tkun assigurata li ma jkunx hemm periklu għas-sewwieqa l-oħra. Wara li t-tellieqa tkompliet, Buttigieg spiċċa fl-ewwel post.

L-ASMK ħabbret tibdil żgħir fir-raba’ attività tal-Autocross li fis-16 ta’ Jannar ġiet posposta minħabba l-maltemp. Din se titkompla l-Ħadd 9 ta’ Frar u tibda fis-1.00pm.

Intant il-Ħadd li ġej, l-ASMK se tkompli bi programm ta’ tiġrijiet tal-muturi fejn se tiġi organizzata t-tielet attività mill-kampjonat Honda Motocross. L-attività se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-10.00am. Intant, l-ASMK ħabbret li laħqet ftehim ma’ Gasan Zammit Group biex permezz tad-ditta Honda jerġgħu jkunu l-isponsors tal-kampjonat tal-Motocross.

Aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew isir b’kuntatt fuq 99425489.

Ikkummenta