Internazzjonali

Libanu: Il-Gvern u l-banek mitluba għal pjan ‘li ikattar il-fiduċja’

Il-Prim Ministru Lebaniż, Hassan Diab, talab lill-Gvern ta’ Bejrut u lill-banek tal-pajjiż biex ifasslu pjan għar-restawr ta’ fiduċja, fi żmien meta l-Libanu qed jiffaċċja l-akbar kriżi finanzjarja u ekonomika għal għexieren ta’ snin.

Diab, waqt laqgħa mal-ministri u l-uffiċjali fis-settur tal-banek, sostna li hu ħa l-impressjoni – wara kuntatti li kellu mas-sorsi qrib il-bank ċentrali u l-assoċjazzjoni tal-banek lokali – li l-pajjiż jista’ isib triq ‘il barra mill-kriżi.

Il-Kabinett ta’ Diab ħa postu f’Bejrut matul il-ġimgħa li għaddiet u fejn qed jingħata appoġġ mill-grupp tal-militanti Hezbollah ( sieħeb tal-Iran) u l-alleati tiegħu. Dan kellu jseħħ xhur wara r-riżenja ( f’Ottubru) ta’ Saad al-Hariri minn Prim Ministru u meta fl-aħħar ġimgħat ma naqsux id-dimostrazzjonijiet tal-Lebaniżi kontra l-elit li qed imexxi lill-pajjiż.

Il-Gvern ġdid tal-Libanu – li għad irid jingħata vot ta’ fiduċja mill-Parlament ta’ Bejrut – qed jiffaċċja problemi ta’ likwidità li xprunaw l-inflazzjoni minbarra li dgħajjfu l-Lira Lebaniża. Dan waqt li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fil-banek tal-pajjiż li qed jimponu l-kontrolli stretti.

Il-Libanu, din il-ġimgħa, għadda baġit għall-2020 bi pronostiku ta’ żbilanċ nazzjonali ekwivalenti għal seba’ fil-mija. Sadanittant, għad hemm id-dubji kbar dwar xi tragwardi finanzjarji li ssemmew u li jistgħu ma jkunux realistiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika mwiegħra fil-Libanu.

Madankollu, il-Prim Ministru Diab qed jinsisti biex jippromwovi pjan ‘li jippermetti għall-inqas livell ta’ fiduċja’ fost il-poplu. Skont hu, din il-fiduċja għandha tipprovdi ‘il-bażi għall-isforzi tal-pajjiż biex jikkonfronta l-kriżi li għaddej minnha, bħalissa’.