Lokali

Madwar 80 immigrant ieħor jinġiebu f’pajjiżna

Il-baħar Mediterran ghadu qed jaffaċċja l-eżodu ta’ mijiet ta’ immigranti li qed jipprovaw jaqsmu lejn l-Ewropa.

Tant hu hekk li l-Italja fl-aħħar sigħat laqgħet iktar minn 400 immigrant, waqt li f’pajjiżna kellna l-wasla ta’ 77 persuna oħra.

Il-wasla ta’ dawn l-immigranti, it-tielet waħda fi ftit jiem u l-ħames waħda matul dan ix-xahar, ittella’ l-ammont ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta għal kważi 500 matul Jannar.

Filfatt it-Tnejn filgħodu kellna l-wasla ta’ 95 immigrant li segwew il-grupp tal-Ħadd filgħaxija, li kien jgħodd 47 oħra.

Dan apparti li fl-istess jum, tard wara nofsinhar, il-Forzi Armati ta’ Malta ġabu lejn pajjiżna lil mara li kienet fi stat ħażin ta’ saħħa. Magħha nġiebu wkoll tlett itfal. Sadattant f’Taranto, l-Italja, it-Tlieta filgħaxija tniżżlu 403 immigranti li kien ilhom għall-aħħar jiem maqbuda bejn sema’ u ilma fuq il-bastiment Ocean Viking.

Minbarra l-gruppi li ddaħħlu fl-Italja u f’Malta, għad fadal 237 oħra abbord il-bastiment tal-Open Arms li salva tliet gruppi f’inqas minn 24 siegħa. Fl-aħħar ħamest ijiem filfatt kien hemm disa’ talbiet għall-għajnuna b’total ta’ 650 persuna abbord dawn id-dgħajjes.

Waqt li għaddejja din il-kriżi fil-baħar Mediterran, in-Nazzjonijiet Uniti bagħtu missjoni speċjali fl-Italja biex tiddiskuti wkoll din il-kwistjoni.