Futbol Sport

Man City megħluba minn Man United iżda xorta se jilagħbu l-finali tal-League Cup

(Ritratt: EPA)

Manchester City avvanzaw għat-tielet finali konsekuttiva tal-League Cup anki jekk kienu megħluba 1-0 fl-Etihad Stadium mir-rivali Manchester United. Ir-rebħa ta’ 3-1 f’Old Trafford għamlet id-differenza u fil-finali huma jaffrontaw lil Aston Villa.

Nemanja Matic fetaħ tamiet ġodda għal Manchester United meta skorja l-gowl tal-vantaġġ wara 35 minutam b’xutt b’saħħtu mill-kaxxa wara li free-kick ta’ Fred mix-xellug ġie mbiegħed parzjalment.

Fit-tieni taqsima, Manchester City kellhom iċ-ċans li jġibu d-draw diversi iżda bdew idumu biex jikkonkludu. Fis-57 minuta Raheem Sterling naqas li jixxuttja minn qagħda ideali u fit-72 minuta wara żball ta’ Harry Maguire, David Silva naqas li jixxuttja minn għaxar metri bogħod u qassam lil Ilkay Gundogan li wkoll ma xxuttjax u tilef il-ballun.

Erba’ minuti wara, Manchester United sofrew daqqa ta’ ħarta meta Matic ġie muri t-tieni karta safra għal fawl f’nofs il-grawnd fuq Riyad Mahrez li seta’ ġie evitat. Fl-84 minuta, Sergio Aguero kellu gowl imħassar għal offside. Il-logħba baqgħet miftuħa sal-aħħar b’City ikollhom jiddefendu l-aħħar minuti.