Lokali Qorti

Marlene Mizzi titlef libell kontra David Casa

L-eks MEP Laburista Marlene Mizzi tilfet kawża ta’ libell ippreżentata kontra l-MEP Nazzjonalista David Casa.

Il-proċeduri ġew istitwiti wara kummenti mogħtija minn Casa lil Malta Today fejn qal li l-MEP tal-PL kienet tikri bini tal-uffiċju minn bintha “bla ħlas, u li din bilfors timplika li dawn il-fondi ttieħdu biex jidħlu f’butha”.

Meta xehdet fil-qorti, Mizzi spjegat kif kienet ġiet offruta l-fond, propjetà ta’ bintha, fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta, biex tintuża bħala uffiċċju.

Waqt il-proċeduri fil-Qorti, kien ħareġ li Casa ħass li l-kummenti li kien ta hu lill-ġurnal ma ġewx irrappurtati eżatt kif kien qalhom. Il-Qorti innutat li fit-tweġiba tiegħu, Casa ma semmhiex lil Mizzi b’isimha.

Ġie nnutat ukoll li l-applikazzjoni ma kinitx qed tipproċedi b’libell fil-konfront tal-editur jew il-ġurnalist li kiteb l-artiklu. Dan minkejja li Casa kien sostna li l-kliem li ġie kkwotat jgħid kien skorrett.

Il-Qorti sabet ukoll li fl-applikazzjoni tagħha, Mizzi qalet li l-kummenti li kien għadda Casa kien għaddihom fil-pubbliku. Madanakollu ħareġ li mill-evidenza ppreżentata fil-Qorti, Casa kien bagħat kumment lill-ġurnal sabiex jirribatti allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu. Il-Qorti sabet li l-ġurnal ippubblika biss partijiet mid-dikjarazzjoni tiegħu.

Il-Qorti sabet li Casa kellu raġun meta qal li Mizzi kienet speċifikament issemmiet f’artiklu separat ippubblikat mit-Times of Malta fil-31 ta’ Mejju tal-2017 fuq l-istess tema. Hawn hi kienet ġiet irrappurtata tgħid li kienet qed tagħmel użu mill-uffiċċju ta’ bintha mingħajr ma tħallas kera.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello osservat li l-fatt li Mizzi kienet qed tagħmel użu ta’ uffiċċju mingħajr ħlas juri biċ-ċar li Mizzi kellha spiża inqas, illi li kieku kellha tikri uffiċċju, kien ikollha toħroġ il-flus għal dan mill-general expense allowance.

Il-Qorti qalet li l-eks-MEP kienet persuna pubblika u l-kumment ta’ Casa ma kien xejn għajr kritika lejn persuna pubblika. Qalet li Casa kien qed jitkellem f’kuntest ta’ dibattitu politiku dwar it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi.

Għalhekk il-Qorti ma sabitx lil Casa ħati ta’ libell.

L-avukat Jason Azzopardi rrappreżenta lil David Casa, filwaqt li l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għal Marlene Mizzi.