Internazzjonali

Sirja: L-Armata ta’ Assad ‘tieħu lura’ l-kontroll f’Maarat al-Numan

L-Armata tal-Gvern Sirjan qalet li ħatfet lura kontroll tal-belt strateġika ta’ Maarat al-Numan, fil-provinċja ta’ Idlib, u fejn it-truppi tagħha rnexxielhom joqtlu ‘ numru kbir ta’ ġellieda ġiħadisti’.

Il-militar tal-President Sirjan Bashar al-Assad ilu l-aħħar ġimgħat jinsisti b’offensiva fuq Idlib u meta l-belt ta’ Maarat-al Numan isservi bħala zona strateġika viċin  triq prinċipali fil-mira tal-Armata. Maarat al-Numan anki ssemmiet bħala l-aħħar fortizza tal-ġellieda li jopponu lil Assad, bit-telfa tagħha qed titqies bħala fattur sinifikanti f’dan il-konflitt ċivili.

Rapporti oħra sostnew li ‘l-Oppożizzjoni kienet irtirat’ minn Maarat al-Numan, b’mijiet ta’ eluf ta’ ċivili – fosthom nisa u tfal – jaħarbu mill-ġlied tal-inħawi fid-direzzjoni tal-fruntiera mat-Turkija. Iċ-ċivili li waslu f’dik iz-zona, intant, qegħdin jgħixu ħajja miżerabbli f’numru ta’ kampijiet u xelters fl-inħawi ta’ dik il-fruntiera.

In-Nazzjonijiet Uniti, fl-istess ħin, wissiet li l-aħħar influss ta’ refuġjati kompla jikkumplika sitwazzjoni umanitarja diġà problematika. Dan meta l-kundizzjonijiet mal-art saru aktar diffiċli minħabba l-friża li ħakmet ir-reġjun.

Issemma wkoll in-nuqqas ta’ provvisti u faċilitajiet mediċi, bir-rapporti, fl-aħħar sena, jirreferu għal għexieren ta’ attakki fuq il-faċilitajiet tas-saħħa fil-provinċja ta’ Idlib.

Kelliema għall-Armata ta’ Assad, issa, qalu li rnexxielhom ‘jilliberaw’ Maarat al-Numan wara battalji intensivi mal-ġellieda ta’ alleanza ‘ġiħadista’ bl-isem Hayat Tahrir al-Sham, li hi prominenti fl-ibnadi ta’ Idlib. Jidher li l-ġiħadisti, fl-aħħar sigħat, irtiraw lejn l-inħawi ta’ Saraqeb u Ariha, fit-Tramuntana tas-Sirja.