Internazzjonali

Spanja: Katalonja qrib ta’ elezzjoni sinifikattiva

Il-Kap tal-Gvern ta’ Katalonja, Quim Torra, qal li qed jippjana biex isejjaħ elezzjoni parlamentari bikrija f’dan ir-reġjun polemikuż u meta pass bħal dan kapaċi jħalli impatt kbir għall-politika (nazzjonali) ta’ Spanja.

Torra, li hu favur l-indipendenza ta’ Katalonja, qal li l-elezzjoni għandha tissejjaħ ladarba l-parlament tar-reġjun japprova l-pjan għall-baġit ( ta’ Katalonja) għal matul is-sena. Intant, hu baqa’ ma pprovdiex data speċifika.

Meta kellem lill-poplu Katalan fuq il-mezzi tax-xandir, Quim Torra qal li l-leġislatura Katalana preżenti kkonkludiet il-programm politiku u li issa ‘hi essenzjali li ċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom mill-ġdid’

Il-mandat ta’ Torra suppost kellu jispiċċa fl-2021 iżda, l-parlament, fil-bidu tal-ġimgħa, neħħielu d-drittijiet ta deputat reġjonali fuq digriet tal-qorti – bis-sitwazzjoni twassal lill-Gvern ta’ koalizzjoni magħmul minn żewġ partiti separatisti f’xifer ta’ kollass.

Waqt li indirizza t-tilwim fi ħdan il-koalizzjoni, Torra sostna li l-ebda Gvern ma jiffunzjona mingħajr sens ta’ għaqda u lealtà fost is-sieħba.

Intant, Quim Torra, fis-6 ta’ Frar, se jiltaqa’, f’Barċellona, mal-Prim Ministru Spanjol Soċjalista, Pedro Sanchez – u fejn huma mistennija jfasslu l-aġenda għan-negozjati dwar is-sitwazzjoni politika ta’ Katalonja.