Lokali Saħħa

Suspett ta’ każijiet tal-Coronavirus f’Malta; kollha jirriżultaw fin-negattiv

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne żvela ma’ Net News li f’Malta kien hawn każijiet ta’ suspett tal-Coronavirus li iżda fortunatament rriżultaw fin-negattiv.

Ġie mifhum li dawk li marru l-isptar kienu kollha barranin ġejjin mill-pajjiżi Asjatiċi.

Fearne qal li Malta qed tħejji lilha nnifisha f’każ li dan il-virus jasal f’pajjiżna. Infatti se jitwaqqaf ċentru ‘l barra mill-isptar Mater Dei li fih se jkun hemm 12-il sodda biex f’każ li jkun hawn persuni b’dan il-virus jiġu kkurati f’dan iċ-ċentru ta’ iżolament.

Huwa qal li l-awtoritajiet tal-ajruport huma preparati biex il-passiġġiera kollha li jkunu jafu li ġejjin minn pajjiżi li hemm il-virus isir screening fuqhom biex jiddentifikaw jekk ikunux infettati bil-Coronavirus.

Spjega li Malta m’għandha l-ebda titjira diretta lejn iċ-Ċina u għaldaqstant qed jiġu screened il-passiġġieri li jkunu ġejjin minn ajruport ieħor transitorju bit-tluq oriġinali jkun iċ-Ċina.

Qal li fl-ajruport hemm ukoll żona ta’ iżolament biex f’każ li jidħol passiġġier li jkollu s-sinjali ta’ dan il-virus jittieħed għat-testijiet. Il-Ministru Fearne qal li sa għada filgħodu, l-isptar se jkun jista’ jipprovdi riżultat ta’ jekk għandekx il-virus fi żmien sagħtejn.