Sport Sport Ieħor

Thiem u Zverev fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja għall-ewwel darba

(Ritratti: EPA)

Rafael Nadal kien eliminat mill-kwarti tal-finali tal-Open tal-Awstralja hekk kif kien megħlub minn Dominic Thiem. L-Awstrijak rebaħ 7-6, 7-6, 4-6, 7-6 f’logħba mill-isbaħ f’Melbourne Park li damet erba’ sigħat u 10 minuti. Thiem falla żewġ match points ftit qabel għalaq il-logħba u saħansitra kellu opportunità li jaċċerta mir-rebħa meta kien 5-4 u kellu s-service tiegħu. Hu għamel tliet unforced errors u double fault.

Wara l-logħba, is-sid numru ħamsa qal li meta kien 5-4 kienet sitwazzjoni speċjali għalih minħabba l-fatt li kien qed jilgħab kontra Rafael Nadal u jissielet għal post fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja għall-ewwel darba. Thiem għolla jdejh ‘l fuq wara li forehand ta’ Nadal ħabtet max-xibka, f’reazzjoni li ħa n-nifs u fl-istess ħin ma setax jemmen. Din it-telfa għal Nadal tfisser li se jkollu jistenna Grand Slam ieħor biex jilħaq ir-rekord ta’ 20 li jinsab għand Federer.

L-avversarju ta’ Thiem se jkun Alexander Zverev li wkoll għadda għal semifinali ta’ Grand Slam għall-ewwel darba wara li għeleb lil Stan Wawrinka. Il-Ġermaniż rebaħ kontra t-tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam 1-6, 6-3, 6-4, 6-2, riżultat li fisser li għall-ewwel darba tilef set f’Melbourne f’din is-sena. Wawrinka li rebaħ l-Open tal-Awstralja fl-2014, kien eliminat mal-aħħar tmienja fi tliet okkażjonijiet mill-aħħar erba’ Grand Slams. It-tennist ta’ 34 sena beda tajjeb kontra Zverev hekk kif rebaħ l-ewwel ħames logħbiet f’16-il minuta u kiseb 16 mid-19-il punt meta kellu s-service.

Iżda Zverev irkupra fit-tieni set u ma tilifx punt meta kellu s-service kif ukoll kiser is-service tal-avversarju. Fit-tielet set, iż-żewġ tennisti tilfu s-service tagħhom qabel Zverev mar 4-2 biex imbagħad għalaq is-set. Fir-raba’ set, Zverev mar 4-0 minn fuq u kien diffiċli għal Wawrinka biex jirkupra, speċjalment wara li kien ġej minn żewġ logħbiet ta’ ħames sets. Zverev qatt ma rnexxielu jaqbeż ir-raba’ rawnd f’Melbourne u qabel il-bidu tat-tournament, wiegħed li jekk jirbaħ jagħti l-premju finanzjarju biex jgħin lill-poplu Awstraljan wara n-nar li ħakem il-foresti fil-pajjiż.