Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil David Meilak

L-Erbgħa filghodu ngħatat l-aħħar tislima lil David Meilak – podologu li dejjem fittex li jgħin lill-oħrajn u li dejjem kien bit-tbissima fuq wiċċu; tbissima li kienet sinonima mal-karattru ta’ Meilak li ħadem mhux ftit għall-komunità Mostija u mhux biss.

Kliem il-patri Ġiżwita Patrick Magro, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Aħħar Tislima lil David Meilak fil-Bażilika tal-Mosta, iddedikata lil Santa Marija.

Waqt l-Omelija tfakkret il-passjoni li biha David kien jaħdem, kemm mal-pazjenti u kif ukoll fil-volontarjat. Ġie deskritt bħala persuna bi prinċipji u valuri sodi fejn fittex ukoll li anki jkun edukatur mill-aqwa.

Fost il-Mostin Meilak serva għal kważi 15-il sena bħala Kunsillier bejn l-1998 u l-2008, u bejn l-2010 u l-2015. Meilak kien ukoll l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Forum SMEs tal-Partit Nazzjonalista. Huwa kien ukoll wieħed mill-fondaturi ta’ dan il-Forum.

Fost dawk li mlew il-Bażilika Mostija, kien hemm għadd ta’ Deputati, Uffiċjali u attivisti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, membri tal-Kumitat Lokali tal-PN kif ukoll dawk li ħadmu miegħu fil-Kunsill.