ŻVEZJA………… 6
MALTA…………. 4
Tliet gowls fl-ewwel ftit minuti tal-logħba spiċċaw biex kienu determinanti biex it-tim Malti jsofri l-ewwel telfa fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Għalkemm it-telfa ta’ 6-4 xorta tfisser ebda punt, it-tim Malti lagħab daqs l-avversarji għal ħafna ħinijiet, anki meta wieħed jikkunsidra li l-Iżvediżi huma aktar kwotati.
L-Iżvediżi marru fil-vantaġġ wara minuta u 23 sekonda b’Petrit Zhubi jantiċipa l-ħarġa tal-gowlkiper Clint Mifsud. It-tieni gowl wasal fil-ħames minuta b’passaġġ fil-baxx ta’ Fredrik Söderqvist isib lil Adnan Cirak li skorja mill-viċin. L-iskor sar 3-0 fis-seba’ minuta b’Emilio Rossi jegħleb lil Mifsud wara passaġġ ta’ Fehim Smajlovic.
Reazzjoni mit-tim Malti li ftit sekondi wara naqqas id-distakk f’azzjoni tajba li fiha Giancarlo Sammut fetaħ fuq il-lemin lejn Andy Mangion, bix-xutt tiegħu jitkompla għal ġewwa minn Karl Azzopardi. Sammut mar qrib it-tieni gowl f’nofs it-tieni taqsima b’xutt sabiħ li ħabat mal-wieqfa.
It-tim Malti appella għal penalty u fl-attakk sussegwenti, Fredrik Söderqvist skorja b’xutt fil-baxx mid-distanza wara 11-il minuta u disa’ sekondi. It-tim Malti beda jaqsam il-logħob aħjar iżda tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Cirak skorja t-tieni gowl personali b’xutt li għadda minn taħt idejn Stefan Vella. It-tim ta’ Zeljko Anicic naqqas id-distakk madwar żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’kick-in tal-captain Mark Zammit isib lil Jovica Milijic li skorja b’xutt fin-naħa ta’ fuq tax-xibka.
Bidu tajjeb għat-tim Malti fit-tieni taqsima li wara ftit sekondi għamel l-iskor 5-3 b’Marwan Telissi jkompli għal ġewwa xutt b’saħħtu ta’ Sammut. Iżda fis-26 minuta, Albert Hiseni reġa’ kabbar il-vantaġġ tal-Iżvediżi għal tliet gowls, b’azzjoni personali.
Malta daħlet fil-logħba tmien minuti mit-tmiem f’azzjoni mill-isbaħ li fiha l-gowlkiper Stefan Vella tefa’ ballun fit-tul lejn Firas Aboulezz li mill-ewwel qassam lejn George Frendo li skorja b’xutt ukoll li kien mill-ewwel.
Fl-aħħar erba’ minuti, Anicic għażel li t-tim Malti jilgħab bil-flying keeper biex titpoġġa aktar pressjoni fuq l-Iżvezja bir-riskju li l-lasta tkun vojta. It-tim Malti seta’ skorja f’diversi okkażjonijiet iżda falla l-mira bi ftit. Mat-tisfira finali l-plejers Maltin intlaqgħu minn ċapċip mill-pubbliku Malti preżenti għall-isforz tagħhom.
Il-logħob kollu
Skola Nazzjonali tal-Isport
Illum: Polonja v Greċja 5-2, Żvezja v Malta 6-4
Għada: Żvezja v Polonja 5.00pm, Malta v Greċja 8.00pm
Is-Sibt 1 ta’ Frar: Greċja v Żvezja 4.00pm, Malta v Polonja 7.00pm
//= $special ?>