Lokali

AĠĠORNATA: Vandalizzat l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia

Persuna jew persuni mhux magħrufa matul il-lejl li għadda waddbu likwidu aħmar bl-iskop li jħassru l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-likwidu li nxteħet fuq dan il-mafkar, li jinsab quddiem il-Qorti, ċappas ukoll il-monument tal-Assedju l-Kbir li l-bażi tiegħu tilqa’ fjuri, xemgħat, messaġġi u ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan l-att iseħħ ftit sigħat biss qabel id-dimostrazzjoni li llejla se tkun organizzata mill-Grupp Repubblika. Din il-manifestazzjoni tibda fis-18:00 minn quddiem il-Parlament.

Dan il-każ, il-Kap tal-PN Adrian Delia ddeskrivih bħala “att tal-mistħija u aġir li juri l-bżonn li nħarsu r-rispett, il-ġurnaliżmu u l-libertà tal-espressjoni”.