Lokali

Vuċi qawwija quddiem il-Parlament

Pajjiżna mifni bil-korruzzjoni u l-impunità. Mhux ser naċċettaw li l-gvern u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ pajjiżna jibqgħu jabdikaw mir-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-Poplu Malti.

Għajta komuni mis-soċjeta ċivili fejn għal darb’oħra il-poplu Malti reġa’ ngħaqad biex isemma leħnu kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-Gvern …u favur il-ġustizzja.

L-Erbgħa filgħaxija kienu diversi persuni li pprotestaw quddiem il-Parlament għaliex l-impunità u l-korruzzjoni għadhom ir-regola, u mhux l-eċċezzjoni – protesta li l-Prim Ministru Robert Abela sejħilha waħda ‘out of place’.

Iżda kif qalet fi stqarrija, l-għaqda Repubblika insistiet li l-u-turns tal-Prim Ministru f’dawn l-aħħar jiem juru li Robert Abela m’għandu l-ebda intenzjoni li jagħmel dak li hu ġust, iżda li sempliċement irid jagħti l-impressjoni li hu anqas ħażin minn ta’ qablu.

L-għaqda qalet li Prim Ministru tal-affari tiegħu qatt ma kien jinnomina lill-eks Ministru Konrad Mizzi sabiex jirrappreżenta lil Malta fl-OSCE. Lanqas kien jaħtar lil Justyne Caruana f’kariga ezatt wara li kellha tirreżenja minn Ministru minħabba dak li kien żvelat fuq ir-raġel tagħha.

Lanqas kien jaċċetta li jibqa’ jkollu fil-grupp parlamentari tiegħu deputati li kontrihom hemm allegazzjoni ċarissimi ta’ korruzzjoni u reati kriminali serjissimi oħra.

L-għaqda Repubblika saħqet li ma tistax tifhem kif l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Musacat, Keith Schembri għadu jiġri barra u saħansitra jitħalla jitlaq mill-pajjiż frekwentement minkejja l-allegazzjoniet serjissimi li saru kontrih u minkejja li huwa ċar li ħeba u għadu qed jaħbi evidenza kruċjali mill-pulizija.

Il-protesta li saret l-Erbgha quddiem il-Parlament kienet indirizzata minn Julian Delia, Mark Anthony Sammut u Manuel Delia.