Internazzjonali Lokali

Arresti f’Belfast u f’Londra dwar flus misruqa online mill-BOV

Uffiċjali tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Kriminalità arrestaw tliet persuni f’Belfast u f’Londra bħala parti minn investigazzjoni dwar il-każ tal-hacking li seħħ fi Frar li għadda fuq is-sistema tal-Bank of Valletta.

Dakinhar, fis-sistema tal-Bank kien attivat tip ta’ malware biex ikunu aċċessati sistemi u jiġu trasferiti illegalment fondi ta’ madwar €13-il miljun minn kontijiet tal-Bank għal għadd ta’ kontijiet barra minn xtutna.

Fosthom kien hemm kont fir-Renju Unit, miżmum f’Belfast, fejn kienu trasferiti madwar Stg800,000. Fis-sigħat ta’ wara, saru ħlasijiet u ġbid ta’ flus, li jammontaw għal madwar Stg340,000 mill-istess kont.

Dawn inkludew ħlasijiet fi ħwienet high-end, bħal Harrods u Selfridges f’Londra, fosthom Stg110,000 fuq arloġġi tat-tip Rolex u ħlasijiet oħra għal karozzi tat-tip Jaguar u Audi A5.

Kienu l-awtoritajiet Maltin li avżaw lill-NCA, li min-naħa tagħha tnediet investigazzjoni, li wasslet għall-arrest ta’ żewġ żgħażagħ – ta’ 22 u 17-il sena rispettivament – f’rejds f’West Hampstead u Ladbroke Grove nhar it-22 ta’ Jannar.

Fl-aħħar sigħat, Uffiċjali tal-NCA, appoġġjati minn Uffiċjali mill-PSNI, eżegwew żewġ mandati fiż-żoni tat-tramuntana u tal-punent ta’ Belfast. Hemm kienu arrestati raġel ta’ 39 sena, b’suspett ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus, frodi u serq.