Internazzjonali

Awstralja: In-nirien qattiela jwasslu għal investigazzjoni indipendenti fi New South Wales

.

L-Istat ta’ New South Wales qed jibda inkjesta indipendenti dwar in-nirien qalb foresta li qabdu xhur ilu u li għadhom għaddejjin fit-territorju tal-Istat. L-investigazzjoni, li se ddum għaddejja sitt xhur, għandha teżamina l-kawża tan-nirien kif ukoll il-miżuri li l-awtoritajiet tal-Istat ħadu s’issa fil-konfront tal-kriżi.

Kelliema qrib l-inkjesta kkonfermaw li mhuma se jżommu lura minn xejn li jista’ jiżvela ‘fatturi ġodda’ konnessi mal-konsegwenza u l-firxa tan-nirien u li jistgħu għadhom mhumiex magħrufa. Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian qalet li l-inkjesta għandha tikkunsidra kif il-bidliet fil-klima, l-attività tal-bniedem u fatturi oħra setgħu ‘ikkontribwew’ għall-qilla tal-fjammi li ħakmu medda enormi ta’ territorju.

In-nirien ( bushfires) li qabdu fi New South Wales swew il-ħajja ta’ 25 persuna minbarra li qerdu jew wettqu ħsarat kbar f’eluf ta’ residenzi.

Gladys Berejiklian, intant, qed tittama li l-inkjesta tgħin biex l-awtoritajiet u r-residenti fi New South Wales ‘jieħdu lezzjoni mill-istaġun tan-nirien u l-kundizzjonijiet katastrofiċi li kellhom jiffaċċjaw biex, fil-futur, ikunu f’sitwazzjoni aħjar biex japplikaw metodi u sistemi ta’ difiża aktar effettivi għal ċirkustanzi simili’.