Internazzjonali

Ċina: Konfermata l-preżenza tal-coronavirus fir-reġjuni kollha

Iċ-ċifra ta’ mejtin mill-firxa tal-coronavirus li qed iħasseb lid-dinja issa telgħet għal 170 waqt li każ ġdid fit-Tibet ikkonferma li kull reġjun taċ-Ċina għandu imqar ‘każ wieħed ta’ infezzjoni’. Dan waqt li l-awtoritajiet tas-saħħa Ċiniżi sostnew li (sa nhar il-Ħamis ) kien hemm 7,711każi konfermati tal-coronavirus f’pajjiżhom.

L-infezzjonijiet infirxu wkoll lejn talanqas ħmistax il-pajjiż ieħor –bil-Finlandja fost l-aħħar Stati li kkonfermaw każ speċifiku tal-coronavirus. Intant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed taħseb biex torganizza laqgħa urġenti oħra biex tikkunsidra jekk il-coronavirus jikkostitwix emerġenza tas-saħħa globali.

Id-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, ammetta li l-progress tal-virus tul l-aħħar jiem – ‘u b’mod partikulari t-trasmissjoni tiegħu minn bniedem għall-ieħor’ – ħallew lill-esperti inkwetati. Hu qal li l-Ġermanja, il-Vjetnam u l-Ġappun kellhom każi fejn persuni spiċċaw infettati bil-virus mingħand oħrajn li kienu fiċ-Ċina.

Filwaqt li l-ammont tal-infettati barra ċ-Ċina hu relattivament żgħir, Ghebreyesus wissa li ‘dawn għandhom il-potenzjal għal firxa ħafna akbar tal-virus milli rajna s’issa’.

Il-coronavirus ġdid infetta aktar nies fiċ-Ċina mis-sitwazzjoni tas-SARS (coronavirus ieħor li wkoll jikkaġuna l-mard tan-nifs akut) li kien feġġ fil-bidu tal-elfejnijiet. Iżda ċ-ċifra tal-vittmi mill-coronavirus attwali għadu f’livell ferm anqas minn tas-SARS.

Intant, fl-Italja, cruise-liner b’mijiet ta’ passiġġieri abbord ma tħalliex jidħol fil-port ta’ Civitavecchia, minħabba suspetti li waħda mill-passiġġieri abbord (li għamlet żmien residenti f’Hong Kong) kienet infettata bil-coronavirus.

Ir-riċerkatura, fil-preżent, għaddejjin bi ġlieda mal-ħin biex jiżviluppaw mediċina li tipproteġi lin-nies mill-virus. Dan meta laboratorju f’Kalifornja  għandu pjani għal tilqima potenzjali li l-provi tagħha fuq il-bniedem għandhom isiru sa Ġunju jew Lulju li ġej.

Ikkummenta