Internazzjonali Saħħa

Cruiseliner imwaħħal barra Civitavecchia minħabba l-Coronavirus

Suspett ta' mara minn Hong Kong infettata bil-virus

Żewġ turisti — koppja Ċiniża minn Hong Kong — bħalissa jinsabu f’iżolament fi sptar abbord il-bastiment Costa Smeralda (tal-kumpanija Costa Crociere ) li qed jinżamm fil-port ta’ Civitavecchia (fl-Italja) minħabba t-tħassib dwar il-Coronavirus ġdid li qed jallarma lid-dinja.

S’issa jidher li l-mara biss, li għandha 54 sena, uriet is-sintomi tal-virus. Ir-raġel tagħha ma jidher li għandu l-ebda sintomi, madankollu hu wkoll qed jinżamm f’iżolament.

Il-koppja waslet fil-25 ta’ Jannar f’Milan. Huma qabdu l-vapur minn Savona. Fuq il-bastiment hemm 751 Ċiniż u 374 rikbu minn Savona.

L-aħħar rapporti qalu li l-passiġġieri kollha qed ikunu projbiti milli jħallu l-bastiment sakemm ikunu konfermati l-provi mediċi fil-każ tal-mara. Intant, l-uffiċjali fl-inħawi qalu li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u li ‘mhemmx lok għal preokkupazzjoni żejda fiċ-ċirkustanzi’.