Internazzjonali

Ġermanja: Infermiera akkużata b’attentat ta’ qtil fuq ħamest itrabi

IL-Awtoritajiet fil-lbiċ tal-Ġermanja arrestaw infermiera li kienet qed taħdem f’taqsima għall-pazjenti li jeħtieġu l-kura intensiva u li hi suspettata b’li pruvat toqtol ħames trabi li kienu għadhom kemm twieldu. Il-pulizija fil-belt ta’ Ulm kienu qed jinvestigaw jekk l-infermiera pruvatx toqtol lit-trabi li kienu fdati f’idejha bil-morfina.

It-trabi – li uħud kienu twieldu qabel iż-żmien – kienu mardu kollha ‘f’daqqa’ fis-sigħat bikrin tal-20 ta’ Diċembru li għadda u fejn instabu b’nifishom maqtugħ. Kien biss bl-intervent fil-pront tal-ħaddiema mediċi u t-tobba li t-trabi rkupraw u, b’xorti tajba, ma jidhrux li se jkollhom effetti fit-tul mill-allegat attentat.

L-awtoritajiet tal-isptar inkwistjoni, għall-bidu, suspettaw f’infezzjoni iżda t-teorija ‘waqgħet’ wara l-provi relevanti li anki żvelaw traċċi tal-morfina fil-ħamest itrabi – minkejja li ma kien hemm l-ebda preskrizzjoni speċifika għal tnejn minnhom.

L-investigaturi  setgħu jikkonkludu – permezz tal-ħin meta feġġew is-sintomi fit-trabi – li ‘il-każi tal-ivvelenar’ seħħew waqt in-night shift. Ftit wara nstabet siringa bil-ħalib tat-trab li kien jinkludi elementi ta’ morfina ġol-locker ta’ waħda mill-infermiera li kienet qed taħdem ix-shift partikulari — b’din il-mara ( li ma kenitx identifikata) tinżamm mill-awtoritajiet. L-infermiera, intant, qed tiċħad l-akkużi dwar attentat ta’ qtil f’dan il-każ.