Lokali

Il-Gvern irid jaċċetta li hu s-sors ewlieni tal-inċertezza poltika u ekonomika f’pajjiżna

Ritratt: Joe Francalanza

B’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru fil-laqgħa li kellu mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs), il-Partit Nazzjonalista jisħaq li hu importanti li wieħed jinnota li ma jistax ikollna soluzzjoni għall-problema tal-inċertezza politika f’pajjiżna, li qed tikkaġuna tnaqqis fin-negozju, jekk fuq kollox il-Gvern ma jaċettax li hu s-sors ewlieni ta’ din l inċertezza poltika u ekonomika.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela qabel ma jwiegħed lis-settur kummerċjali li ser isolvi il-problema tal-governanza poltika, irid jaċetta li qabel kollox huwa l-Gvern tiegħu stess is-sors tal-inċertezza poltika u tal-governanza ħażina u inġusta mal-poplu tagħna.

Il-wegħda tal-Prim Ministru lill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji li pajjiżna ser jirkupra r-reputazzjoni tiegħu fi ftit taż-żmien tistona meta l-poplu Malti qed jara lill-istess Prim Ministru jaqa’ lura milli jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex finalment ikun hemm l-investigazzjonijiet b’mod urġenti fuq il-kuntratti mogħtija bla ebda trasparenza u bil-qerq bħal ma huma l-kuntratti tal-Electrogas u tal-isptarijiet lil Steward Healthcare.

Il-PN jkompli jitlob lill-Gvern biex bla telf ta’ żmien jieħu l-passi neċessarji, għaliex b’ritratti tal-Prim Ministru Robert Abela l-incertezza fin-negozju mhux ser tonqos. Biex niksbu s-soluzzjonijiet neħtieġu fuq kollox Gvern li għandu r-rieda u l-ħila, u s’issa l-Prim Ministru Robert Abela la wera l-ħila u lanqas ir-rieda li jwettaq il-bidliet li s-settur tal-kummerċ qed jitlob lill-istess Prim Ministru biex jieħu.