Lokali Parlament

Il-pajjiż għandu problemi ambjentali kbar

– Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li l-pajjiż għandu probemi ambjentali kbar fosthom il-mod kif qed ikun immaniġġjat it-traffiku u l-mod kif isir il-bini.

Problema kbira ambjentali; l-immaniġġjar tat-traffiku

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż u sostna li trid issir ħalfa li dak li sar ma jerġa’ jirrepeti qatt fil-pajjiż. Hu qal li kien il-PN li ressaq mozzjoni biex issir investigazzjoni fuq dak kollu li allegat Daphne Carana Caruana kemm fuq persuni min-naħa tal-gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni. Id-deputati tal-gvern kienu ivvutaw kontra din il-mozzjoni waqt li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda problema li jsiru dawn l-investigazzjonijiet.

Il-gvern Laburista kien ivvota kontra mozzjoni biex issir investigazzjoni
dwar dak kollu li kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia

Id-deputat Nazzjonalista semma’ d-dokument tal-PN dwar il-governanza tajba u sostna li kien hemm entitajiet oħra li tkellmu u semmgħu leħinhom. Il-pajjiż tilef il-kredibbiltà li damet snin twal biex inbniet. Kien dan il-gvern Laburista li biddel din ir-rotta biex illum l-UE u pajjiżi barra minnha qed jagħmlu mistoqsijiet dwar il-kredenzjali ta’ Malta.

Karl Gouder qal li mhux qed isir pjan futur dwar is-setturi fundamentali għall-ekonomija Maltija. Malta trid tħares lejn x’tip ta’ industriji trid fil-futur biex dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu immedjatament. Jeħtieġ viżjoni għall-istudenti u ż-żgħażagħ, sostna Karl Gouder, li kompla li llum it-tekonoloġija qed tidħol f’kull aspett tal-ħajja. Malta għandha l-vantaġġ li tista’ tattira ċertu industriji ġodda biex tikber magħhom.

Il-mod kif qed isir il-bni qed joħloq problemi ambjentali fil-komunitajiet

Fis-soċjetà qed tiżviluppa l-problema ta’ nies li jaħdmu iżda li xorta ma jlaħħqux mal-ħajja, sostna Karl Goduer, li appella biex jinħoloq bilanċ bejn is-idien tal-propjetà u l-inkwilini li jikru propjetà.

L-ambjent u l-ibliet għandhom jibqgħu jingħataw l-attenzjoni xierqa, fosthom Tas-Sliema, San Ġiljan u lokalitajiet oħra. L-akbar żewġ sfidi ambjentali huma l-immaniġġajr tat-traffiku u l-mod kif isir il-bini fil-pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista.