Lokali

IL-PM jisfida lis-Soċjetà Ċivili

Il-Prim Ministru Robert Abela ħareġ għonqu bla riservi għall-Ministru Owen Bonnici u għażel li jisfida lis-Soċjetà Ċivili, li qed titlob għar-responsabbiltà politika mill-Ministru tal-Edukazzjoni.

Dan wara li l-Qorti ddikjarat li, meta kien Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici kien jimpika kull darba li jordna t-tneħħija tal-fjuri u l-affarijiet oħra minn fuq il-mafkar iddedikat lil Daphne Caruana Galizia fuq il-Monument tal-Assedju.

Il-Qorti qalet li b’għemilu, Owen Bonnici abbuża mill-poter u kiser id-dritt tal-espressjoni meta kien qed jinħeba wara dik li sejħet “skuża” biex jiġġustifika l-ordnijiet li kien qed jagħti lill-Ħaddiema tal-Indafa Pubblika.

Wara dawn l-aħħar żviluppi, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi meħtieġa. L-istess għamlet ukoll is-Soċjetà Ċivili.

Iżda ffaċċjat bid-domandi minn NET News, Robert Abela wera bic-car li lest jisfida l-appelli tal-Oppożizzjoni u tas-Soċjetà Ċivili meta ddikjara li, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti kontra Owen Bonnici… ma jarax lok ta’ riżenja jew tkeċċija.

Mistoqsi minn aktar ġurnalisti biex jispjega għaliex qed jappoġġja daqstant lill-Ministru Bonnici, il-Prim Ministru qal li jrid jara ċ-ċirkostanzi kollha li rreferiet għalihom il-Qorti fis-sentenza. U hawn Abela pprova jnaqqas is-saħħa taċ-ċanfira qawwija u ċara tal-Qorti fil-konfront tal-Ministru tal-Edukazzjoni billi irrefera ghad-decizjoni tal-Qorti bhala “nuqqas ta’ qbil”.

Fil-verità, din ma kinitx nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni tal-Ministru Owen Bonnici, iżda ċanfira għall-atteġġjament u l-azzjonijiet meqjusa mill-Oppożizzjoni u mis-Soċjetà Ċivili bħala inaċċettabbli …għax instigaw aktar firda u mibgħeda.