Lokali

Il-President jirreferi għall-“klikka” waqt intervista fuq ir-radju

Il-President George Vella għamel iljieli sħaħ ma jorqodx lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet waqt il-kriżi politika li hu rrefera għaliha bħala waħda “li qatt ma kellna bħalha qabel”.

Waqt intervista fuq ir-radju 103.00fm, il-President kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella. Hu ma qagħadx lura milli jirreferi għall-“klikka” li kawża tagħha Malta spiċċat kif spċċat. Martu, Miriam Vella qalet li kienet imħassba ħafna dwar żewġha f’dan il-perjodu.

George Vella sejjaħ iż-żmien ta’ Novembru u Diċembru bħala wieħed diffiċli, peress li kull deċiżjoni kien fiha l-piż tagħha. Filfatt, hu kien għadu fl-ewwel xhur tiegħu bħala l-kat tal-istet u saħaq li ta widen lill-esperti fil-qasam u ħa l-pariri neċessarji iżda ried jiżen dak kollu li kien qed jisma’.

Il-President qal li pprova jqabbel is-sitwazzjoni ma’ sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħra, imma stqar li dan kien diffiċli għaliex kull pajjiż għandu kostituzzjoni differenti. Hu qal li hu jiġi miżmum responsabbli għal dak li tgħid il-Kostituzzjoni, u minkejja l-kuxjenza u l-fehmiet tiegħu, dejjem ried iżomm magħha.

George Vella saħaq li kieku sar jaf li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx igawdi l-fiduċja ta’ sħabu fil-Grupp Parlamentari Laburista u fil-Kabinett, hu kien “iqajjem gwerra ċivili.” Dawn l-aħbarijiet ħarġu kemm il-darba fil-media b’uħud minnhom ikunu sorsi viċin il-Partit Laburista iżda qatt b’mod uffiċjali. Madanakollu, il-President qal li meta Muscat żaru għall-awgurju tal-ewwel tas-sena, ħa xi persuni miegħu u għaldaqstant, ikkonkluda li Muscat baqa’ jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza, u għalekk bħala President kellu jdejh marbutin.

Waqt l-intervista tiegħu fuq ir-radju il-President stqar li d-diskors tiegħu ta’ Jum ir-Repubblika kien se jkun wieħed differenti li kieku ma ġarax li ġara f’Malta. Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda tal-biki u ma ddejjaqx isemmi “l-klikka li lill-pajjiż”.

Minkejja dan, huwa qal li l-klikka tiddefiniha l-qorti, u hu ma jista’ jipponta subgħu lejn ħadd, iżda sostna li huwa “fatt li hemm klikka, fatt li ġabu l-pajjiż fejn ġabuh.”