Fis-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej, in-numru ta’ postijiet fl-Iskejjel tal-Knisja għall-‘Applikanti Oħra’ huwa ta’ 730. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jintlaqgħu online sal-14 ta’ Frar, u f’ċentri speċifiċi bejn it-3 u l-5 ta’ Frar.
Aktar informazzjoni tinkiseb mir-Regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja li jinsabu fil-paġna ‘Skejjel tal-Knisja’ fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta – www.knisja.mt. Dawn l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu wara li f’Novembru li għadda ġew ippublikati r-regolamenti u wara li ntlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju.
Dawn jinkludu tfal mid-djar tal-Knisja, dawk li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, u studenti minn skola tal-Knisja bla kontinwità. In-numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 798. Għalhekk, minn total ta’ 1,528 post vakanti għas-sena skolastika 2020-2021, issa baqa’ 730 post għall-‘Applikani Oħra’.
Għall-ewwel sena kindergarten intlaqgħu 45 applikazzjoni għas-subien u 41 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 63 post għas-subien baqa’ 18-il post vakanti, u minn total ta’ 69 post għall-bniet baqa’ 28 post vakanti. Għat-tieni sena kindergarten intlaqgħu 41 applikazzjoni għas-subien u 113-il post għall-bniet.
Għalhekk, minn total ta’ 114-il post għas-subien baqa’ 73 post vakanti, u minn total ta’ 349 għall-bniet baqa’ 236 post vakanti.
Għall-ewwel sena primarja ntlaqgħu 231 applikazzjoni għas-subien u 128 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 365 post għas-subien baqa’ 134 post vakanti, u minn total ta’ 244 post għall-bniet baqa’ 116 il-post.
Għall-ewwel sena sekondarja ntlaqgħu 170 għas-subien u 29 applikazzjoni għall-bniet. Għalhekk, minn total ta’ 255 post għas-subien baqa’ 85 post vakanti, u minn 69 post għall-bniet baqa’ 40 post vakanti. Il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir ser jiftaħ Kindergarten fil-Fgura. Din ser tilqa’ 24 student fl-ewwel sena kindergarten u 24 student fit-tieni sena kindergarten.
Fil-ġranet li ġejjin ser jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tat-tfal tal-impjegati u tal-aħwa tal-Kulleġġ San Albert. Il-postijiet vakanti li jibqa’ jiżdiedu ma’ dawk li qed jitħabbru llum. Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jixtieq javża wkoll li hemm il-possibilità li tinfetaħ ukoll kindergarten tal-iskola St Francis f’Santa Luċija, flok il-kindergarten tal-istess skola f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi.
F’dak il-każ, il-postijiet offruti fl-iskejjel ta’ St Francis f’Ħal Luqa u s-Siġġiewi jiġu offruti f’Santa Luċija. Il-proċess għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja.
Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt.
//= $special ?>