Lokali Saħħa

Kamra ġdida fir-Rainbow Ward

Infetħet kamra ġdida għall-adoloxxenti ġewwa r-Rainbow Ward, proposta li ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista li permezz tagħha l-pazjenti jista’ jkollhom post fejn fost l-oħrajn ikomplu bl-istudji tagħhom waqt li qed jieħdu l-kura.

Rainbow Ward u Puttinu Cares dejjem imxew id f’id u filfatt dan il-ward kien dejjem dak identifikat għat-tfal morda bil-kanċer. 

Kemm Puttinu u kif ukoll Rainbow Ward kellhom jikbru skont il-ħtieġa. Dan għaliex Puttinu beda jgħin lit-tfal tal-kanċer biss u maż-żmien u l-ħtieġa nbiddlet u kien hemm bżonn li jgħinu lil numru ta’ żgħażagħ u adulti.

Illum bejn 60-90 pazjent qed imorru l-Ingilterra għall-kura kull xahar.

Fir-Rainbow Ward ġara l-istess u nħass il-bżonn li jinfetaħ ward għall-kura ta’ pazjenti adoloxxenti.  Wara diskussjoniet mal-tmexxija tad-dipartimenti kkonċernati, minn Lulju tal-2018 bdew jiġu aċċettati zgħazagħ u adoloxxenti sa l-età ta’ 21 sena.

Bħal ma kienet saret playroom għat-tfal, inħass il-bżonn ta’ kamra simili għal pazjenti ta’ età ikbar biex fost l-oħrajn ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom u anke jirrilassjaw f’ambjent b’atmosfera pozittiva. Din il-kamra giet tiswa ‘l fuq minn €15,000 u bl-għajnuna ta’ diversi sponsors dan kien possibbli – Atlas insurance taw donazzjoni ta €11,000.

Rainbow ward u Puttinu Cares ilhom jaħdmu flimkien mill-2002. 

L-ewwel problema li kienu affaċjaw kienet li jbiddlu l-ward f’wieħed ikkulurit b’atmosfera tat-tfal fejn il-familji setgħu jħossuhom komdi.

Diffikulta oħra kienet meta familja titlaq kollox u tmur għall-kura tat-tfal barra minn xtutna għal ġimgħat, xhur u anke snin. Puttinu Cares solvew din il-problema billi xtraw 4 appartamenti f’Sutton qrib l-isptar Royal Marsden fejn filfatt jieħdu l-kura dawn it-tfal.

Il-problema kibret meta għall-għajnuna bdew imorru żgħażagħ, adulti u anzjani u għalekk kienet ittieħdet deċiżjoni li tingħata għajnuna lil pazjenti ta’ kull età. Dawn il-pazjenti jkunu fil-bzonn ta’ akkommodazzjoni barra minn Malta u dan il-fattur ġab sfidi kbar miegħu. Dan wassal biex Puttinu Cares daħlu għal piż ħafna ikbar milli primarjament kienu lesti għalih hekk kif għal tfal morda bil-kanċer 6-8 appartamenti kienu jkunu bizzejjed iżda issa in-numru tela’ għal 60-90 pazjent fix-xahar.

L-ikbar ammont ta’ pazjenti li jmorru fiċ-ċentru ta’ Londra għall-kura jkunu fis-sptarijiet bħal Great Ormond Street, Moorefield u National Hospital. Finanzjarjament hemm differrenza kbira bejn Sutton u ċ-ċentru ta’ Londra.  Dak li jiswa 3 miljuni f’Sutton, fiċ-ċentru ta’ Londra jiswa 30 miljun.  Bla dubju huwa proġett diffiċli pero huwa ta’ beniffċju kbir.

Meta jkun lest dan il-proġett, 85% tal-poplu Malti u Għawdxi se jkun jista’ jitla u jgħix fiċ-ċentru ta’ Londra mingħajr ħlas.