Lokali Qorti

Konrad Mizzi siefer 17-il darba lejn iċ-Ċina; prova jiftaħ aktar kontijiet

L-eks uffiċjal tal-FIAU qal taħt ġurament li banek f'Dubaj, fil-Bahamas, Miami u l-Panama rriffjutaw li jiftħu kont tal-bank lil Konrad Mizzi

17-il vjaġġ lejn iċ-Ċina – tranżazzjoni ta’ ċenteżmu fuq credit card li tgħajjat ismu – suspetti dwar id-deal tal-Gvern mal-Montenegro – tentattivi biex jiftaħ kontijiet bankarji barra minn Malta.

Huma dawn id-dettalji li ħarġu l-Erbgħa hekk kif fil-Qorti kompliet l-Inkjesta Pubblika li qed issir dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, b’Jonathan Ferris ikun l-uniku xhud tal-ġurnata.

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, Ferris kompla qal li Konrad Mizzi kien preżenti l-Montenegro wara li ġie ffirmat deal bejn dan il-pajjiż u l-Enemalta. Infatti Ferris sostna li dan kien tqajjem suspett meta kien hemm transizzjoni ta’ ċenteżmu fuq credit card ta’ Konrad Mizzi.

Jonathan Ferris xehed li kien hemm tentettivi minn Konrad Mizzi biex jinfetħu kontijiet fi tmien banek fosthom: f’Dubaj, fil-Panama u f’Miami. Issa li għaddew aktar minn 24 siegħa, Konrad Mizzi baqa’ ma weġibx għal din it-testimonjanza.

L-eks uffiċjal tal-FIAU qal taħt ġurament li banek f’Dubaj, fil-Bahamas, Miami u l-Panama rriffjutaw li jiftħu kont tal-bank lil Konrad Mizzi. Jidher illi l-banek ġew offruti €4,000 biex jiftħu kont għall-eks Ministru ta’ Muscat.

L-analizi kienet sabet ukoll li l-attentati biex jiftaħ kont tal-bank baqgħu għaddejjin sakemm ħarġu l-iskandli tal-Panama Papers; fi kliem sempliċi, sakemm Daphne Caruana Galizia kixfet il-kontijiet sigrieti li nfetħu minn Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Fil-Qorti, Jonathan Ferris insista li wara l-ħidma tal-FIAU, il-Pulizija kellha biżejjed materjal biex tipproċedi kontra Konrad Mizzi.