Lokali

L-esponenti ewlenin tal-Partit Laburista maħsuda bix-xhieda ta’ Ferris dwar Egrant

Skiet totali mill-Partit Laburista – l-esponenti ewlenin tal-Lejber jinsabu maħsuda bid-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Jonathan Ferris, meta xehed illi John Dalli kien qallu li Egrant hi tal-Partit Laburista.

Fil-Qorti, l-eks Spettur tal-Pulizija u eks Investigatur tal-FIAU qal li jiftakar il-mument u l-post eżatt meta hu kien bilqegħda b’idejh marbuta u Dalli talbu biex ikellmu fil-ġenb. Ras imb’ras, l-eks Kummissarju Ewropew qallu li jekk irid jagħmel ftit storbju, Egrant hi propjetà tal-Partit Laburista. Kompla jispjegalu li fil-fatt, Egrant tfisser Election Grant.

John Dalli ma baqax Kummissarju Ewropew wara li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kien ikkonkluda li hu kien ipparteċipa f’diversi laqgħat mhux uffiċjali u kunfidenzjali ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk meta kien Kummissarju Ewropew tas-Saħħa.

Mal-bidla fil-Gvern fl-2013, l-investigazzjoni f’pajjiżna tmewtet u ftit ġimgħat wara, Dalli nħatar Konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. U skont il-Panama Papers kien sar magħruf li fl-istess żmien, twaqqfet il-kumpanija Egrant fil-Panama flimien ma’ Hearnville ta’ Konrad Mizzi u Tillgate ta’ Keith Schembri.

Wara dak żvelat fil-Qorti, issa li ghaddew aktar minn 24 siegħa, il-Partit Laburista baqa’ ma ħareġ l-ebda stqarrija ta’ ċaħda jew almenu ta’ kjarifika għal dak li allegatament Dalli qal lil Ferris.

Dwar dan, staqsejna lil żewġ membri tal-Kabinett li, ironikament, għamlu xi żmien bħala Uffiċjali għolja fil-Partit Laburista.

L-eks Deputat Mexxej u llum Ministru Laburista Michael Falzon qal biss li qed jistenna li l-ewwel tiġi stabbilita l-verità … filwaqt li ftit li xejn ried jassoċja ruħu ma’ din is-sitwazzjoni ġdida u imbarazzanti.

U l-eks President tal-Partit u llum Segretarju Parlamentari fil-Gvern Laburista, Stefan Zrinzo Azzopardi ħarab minn quddiemna….filwaqt li xott xott qalilna li l-Partit Laburista dejjem ċaħad u telaq ‘l hemm mifxul, ifittex kenn f’membri oħra tal-media.

S’issa lanqas l-eks Konsulent ta’ Muscat għadu ma ħareġ stqarrija biex jiċħad jew jikkjarifika dak li xehed Jonathan Ferris. Dan minkejja li Dalli hu magħruf għall-istqarrijiet li joħroġ b’mod immedjat kull darba li b’xi mod jissemma’ fil-media jew f’xi ċirkostanza oħra bħal dawn.