Internazzjonali

Libja: Franza takkuża lit-Turkija dwar indħil fil-konflitt

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, akkuża lill-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, talli ‘kiser kelmtu’, fost allegazzjonijiet dwar ‘l-indħil tat-Torok’ fil-konflitt tal-Libja.

Macron irrimarka dwar id-dehra ta’ vapuri tal-gwerra Torok, akkumpanjati minn merċenarji Sirjani, li kienu qegħdin jaslu fl-ibħra Libjani – bil-President Erdogan ma jweġibx għal dawn l-allegazzjonijiet.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-mexxejja tad-dinja kienu wiegħdu biex ma jindaħlux fil-konflitt ċivili tal-Libja, minbarra li impenjaw ruħhom biex jirrispettaw embargo fuq l-armamenti lejn il-Libja.

It-Turkija qed tappoġġja lill-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj u meta din l-amministrazzjoni fi Tripli qed tgawdi wkoll l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Min-naħa tagħha,  Franza kattret ir-relazzjonijiet mas-sinjur-tal-gwerra Libjan, il-Ġeneral Khalifa Haftar, li l-Armata Libjana tal-Lvant tiegħu ilha x-xhur twettaq offensiva fuq il-Gvern ta’ Tripli, bil-għan li ‘telimina lit-terroristi fil-kapitali’.

Intant, Macron qal li l-preżenza tal-bastimenti tal-gwerra fl-ibħra barra l-Libja kellha titqies bħala ‘abbuż ċar’ tal-wiegħdiet li ħareġ bihom Erdogan waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja li saret f’Berlin, fid-19 ta’ Jannar ( u li għaliha attendew id-diversi mexxejja tad-dinja).

Il-Mexxejja tal-UE, l-istess bħall-Mexxejja tar-Russja u t-Turkija, kienu fost dawk li wiegħdu li jtemmu l-indħil ‘tal-barranin’ fil-gwerra tal-Libja. Dan waqt li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, enfasizzat li l-konflitt fil-Libja jista’ jintemm biss b’soluzzjoni politika u mhux b’azzjoni militari.

Il-President Franċiż, sadanittant, fisser l-aħħar azzjonijiet tat-Turkija bħala ‘detrimentali għas-sigurtà tal-Ewropej kollha u tar-residenti fir-reġjun ta’ Sahel (lejn in-nofsinar tad-Deżert tas-Sahara)’. Ir-reġjun inkwistjoni ilu kważi għaxar snin iservi bħala front ta’ gwerra kontra l-militanti Iżlamiċi fl-inħawi.