Lokali Qorti

Owen Bonnici għandu jġorr ir-responsabbiltà politika – PN

Owen Bonnici għandu jġorr ir-responsabbiltà politika wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabitu ħati tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem

Il-Ministru Owen Bonnici għandu jġorr ir-responsabbiltà politika u jirriżenja wara li nstab ħati ta’ ksur tal-libertà tal-espressjoni, pika u firda mill-Qorti Kostituzzjonali.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista iffirmata minn Clyde Puli, Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21.

Is-sentenza tal-lum, wara kawża minn Manuel Delia, hija tebgħa mill-aktar kerha, fuq il-Gvern Laburista u din se ssir aktar gravi jekk il-Gvern se jġib ruħu qisu qatt ma ġara xejn, kompliet tgħid l-istqarrija.

Il-Ministru Owen Bonnici nstab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li abbuża mill-poter tiegħu u kiser id-dritt tal-espressjoni ta’ ċittadini Maltin li riedu jfakkru lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bi tqegħid ta’ fjuri u xemgħat mall-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Qorti qalet li l-Ministru Bonnici kien pikuż u kompla jiżra l-firda meta għal xhur sħaħ ordna lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jneħħu l-fjuri, xemgħat u ritratti tal-ġurnalista. Il-Qorti qalet ukoll li t-tindif ma’ sarx biex inaddaf il-monument iżda biex jiċċensura lil dawk li kellhom kull dritt jesprimu ruħhom.

Illum il-ġurnata huwa Ministru tal-edukazzjoni bir-responsabbilta’ li jara li uliedna jkunu edukati biex iħarsu id-drittijiet tagħhom u tal-oħrajn. Gvern li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem ma jibqax ċass meta ministru tal-Gvern jinstab ħati li kiser dawn id-drittijiet, temmet tgħid din l-istqarrija.