Lokali

Titjib f’San Vinċenz grazzi għall-UE

B’investiment ta’ 4.1 miljun ewro – bi 80 fil-mija minnhom ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea – fir-Residenza San Vinċenz de Paule se jkunu installati sistemi ġodda ta’ tisħin, ventilazzjoni, arja kundizzjonata u dwal.

Dan il-proġett se jsir biex tiddaħħal l-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li jitjieb l-ambjent tar-Residenza. Kien deskritt bħala ħolqa importanti fl-impenn għall-miri li l-Gvern Malti suppost għandu jilħaq għat-tibdil fil-klima.

F’konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza tat-tmexxija u wħud mir-residenti, kien spjegat ix-xogħol li se jsir u kif dan mistenni jieħu madwar 18-il xahar biex jitlesta. Ingħad ukoll li b’dan il-proġett, ir-Residenza se tkun tista’ tnaqqas ukoll id-domanda għall-enerġija.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-membri tal-Kabinett preżenti ddawru f’waħda mis-swali fejn diġà beda x-xogħol.

U għalkemm saru kummenti sottili biex jingħata x’jifhem li f’San Vinċenz de Paule ma sar xejn għal dawn l-aħħar 25 sena, ironikament din is-sala partikolari kienet ġiet inawgurata mill-ġdid fl-2003 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.