Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Fir-recordings jissemmew “Keith” u “Kenneth ta’ Kastilja”

Ir-recordings jgħaddu għand l-avukati ta' Yorgen Fenech u Melvin Theuma

Dalgħodu fil-Qorti qed tkompli l-kumpilazzjoni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din il-kumpilazzjoni ilha wieqfa minn Diċembru u għalhekk qed tkompli għall-ewwel darba fis-sena l-ġdida.

Fil-Qorti bdew jinstemgħu l-famużi recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma. Pero, ftit li xejn ħarġu dettalji hekk kif dawn kienu imwaqqfa minnufih. Dawn ir-recordings qatt ma ħarġu fil-pubbliku u instemgħu biss mill-pulizija u l-akkużati waqt l-interrogazzjoni.

Preżenti fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello hemm Yorgen Fenech li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju. Għal Fenech qed jidhru l-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.

Fil-fatt, il-Qorti ordnat li r-recordings jgħaddu għandu l-avukati ta’ Yorgen Fenech u ta’ Melvin Theuma. Il-Maġistrat Montebello ordnat li jinżammu f’kunfidenzjalità massima u ma jgħaddux għand persuni terzi.

Aktar tard, Theuma iddaħħal fl-awla. U kien hawn li bdew jinstemgħu l-famużi recordings. Melvin Theuma ingħata l-maħfra presidenzjali lura f’Novembru li għadda.

Dawk preżenti setgħu jisimgħu konverżazzjoni fil-vettura Jaguar li kienet qed tinstaq minn Melvin Theuma, wara li hu ġabar lil Fenech mill-ajruport. Meta mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud, il-middleman jgħid li Yorgen Fenech ma kienx jaf illi hu kien qed jirrekordjah. Il-mobile kien iżommu fuq airplane mode, eżatt bejn iż-żewġ seats ta’ quddiem.

Theuma jgħid illi Fenech sar jaf bir-recordings meta kien qallu bihom Johann Cremona, li hu business partner ta’ Yorgen Fenech. Dan kien fil-15 ta’ Novembru.

Melvin Theuma

Ir-recordings li instemgħu illum fihom l-ismijiet ta’ “Keith” u “Kenneth ta’ Kastilja”.

Meta f’dan il-ħin kienu qed isiru d-domandi lil Melvin Theuma, hu deher aġitat ħafna fit-tweġibiet. Il-middleman deher tassew konfuż. Skont Theuma, Yorgen Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien jgħaddilu l-informazzjoni.

Fir-recordings…fil-preżenza tat-tfal ta’ Yorgen Fenech… Theuma u Fenech jinstemgħu jiddiskutu l-bail li kien qed jitlob George Degiorgio, wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech “ma kienx jaf lil Kenneth Camilleri”, li kien security ta’ Joseph Muscat. “Jidher li hu kien il-kuntatt ma’ Keith”, jgħid il-middleman waqt il-kumpilazzjoni. Fil-fatt, f’ħin minnhom Theuma jinstema’ fir-recordings jistaqsi “minn fejn waqa’ Kenneth, mis-sema?”

Intant, mistoqsi fuq il-fatt li hu kien ċert li Keith Schembri kien involut f’dan kollu, u li għalhekk qatt ma saqsa dwar dan lil Kenneth – hu wieġeb fl-affermattiv.

Fil-Qorti, Theuma qal “Keith qas solva l-każijiet tiegħu!”

L-avukati difensuri qed jinsistu li huma l-ewwel iridu t-traskrizzjoni kollha tar-recordings sabiex ikunu f’pożizzjoni li jkomplu bid-domandi. Gianluca Caruana Curran insista li jrid li f’idejh ikollu d-dettalji kollha ta’ dawn ir-recordings.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.