Internazzjonali

Brexit sigħat ‘il bogħod minn konklużjoni — bir-Renju Unit u l-UE iħejju għal futur ġdid

Ir-Renju Unit, wara nofs-il lejl, jikkonkluda l-proċess ta’ Brexit li bih intemm 47 sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. It-tragward intlaħaq wara ħafna tlugħ u nżul u taqtigħ il-qalb iżda r-Renju Unit u l-Ewropa – aktar minn tliet snin wara r-referendum storiku għall-Britanniċi — ‘il quddiem ikunu jistgħu jħarsu lejn relazzjoni ġdida bit-tama li jista’ igawdi kulħadd.

Ftit qabel id-daqq ta’ nofs-il lejl, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, se jwassal messaġġ bil-video li Brexit irid jitqies bħala ‘żerniq għal tiġdid’ u li kulħadd iżomm f’moħħu li dan il-proċess ma jirriflettix tmiem iżda l-bidu ta’ sitwazzjoni u opportunitajiet ġodda.

Fl-aħħar sigħat fir-Renju Unit kien hemm sensiela ta’ avvenimenti li kienu jinkludu marċijiet, ċelebrazzjonijiet u vejl taħt id-dawl tax-xemgħa mill-attivisti favur Brexit u (anki) id-dimostranti li jappoġġjaw lill-Unjoni Ewropea.

Fil-verità, mhumiex mistennija bidliet kbar fl-ewwel jiem wara Brexit, bir-Renju Unit qed iħejji għal ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’. Il-parti kbira tal-liġijiet tal-UE – fosthom il-moviment ħieles tan-nies — se jibqgħu effettivi sal-aħħar tas-sena u meta r-Renju Unit qed jittama li, sa dak iż-żmien, ikun laħaq ftehim permanenti għall-kummerċ ħieles mal-Unjoni.

Sadanittant il-messaġġi li spikkaw, fl-aħħar sigħat, kienu biex iċ-ċittadini fir-Renju Unit – irrispettivament mill-fehmiet u d-differenzi politiċi – jingħaqdu f’viżjoni komuni għal pajjiżhom.

L-eks Prim Ministru Britanniku, David Cameron – li fir-referendum tal-2016 mexxa l-kampanja biex ir-Renju Unit jibqa’ membru fl-UE – fisser il-Jum ta’ Brexit bħala ‘ġurnata kbira ħafna għall-pajjiż’, waqt li enfasizza li r-Renju Unit kapaċi jittraduċi din l-għażla importanti f’suċċess.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit ta’ Brexit, Nigel Farage, li hu ewroxettiku kbir, deher ferħan se jtir ‘b’din ir-rebħa għall-poplu kontra l-establishment’.

Il-konklużjoni ta’ Brexit kien oriġinarjament programmat għad-29 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, iżda spiċċat posposta diversi drabi meta d-deputati fil-House of Commons ta’ Londra ċaħdu l-withdrawal agreement preċedenti li kienu waslu għaliha l-UE u l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May.

Intant, Boris Johnson kien irnexxielu jgħaddi l-ftehim li għamel hu mill-Parlament wara r-rebħa tiegħu fl-elezzjoni ġenerali ta’ Diċembru fir-Renju Unit. Hu rebaħ dan il-vot importanti fil-House of Commons b’maġġoranza ta’ 80 u fejn spikkat il-wiegħda li Brexit ikun attwat (‘to get Brexit done’). Il-vot anki konkluda ‘il fuq minn tliet snin ta’ battibekki politiċi wara r-referendum li fih 52 tal-votanti għażlu li jħallu l-UE.

F’Londra, il-bnadar tal-Union Jack qed jiddominaw iz-zona ta’ Parliament Square waqt li bdiet tiċċirkula munita ġdida ta’ 50p ( kommemorattiva) fl-okkażjoni ta’ Brexit. Intant, il-Prim Ministru Johnson qed jorganizza riċeviment f’Downing Street għall-Ministri tal-Kabinett, il-konsulenti tiegħu, il-ħaddiema maċ-ċivili u dawk involuti fin-negozjati tal-kampanja favur Brexit.

Intant, l-arloġġ famuż Big Ben mhux se jdoqq fil-ħin ta’ nofs-il lejl minħabba li qed isirulu xogħlijiet ta’ renovazzjoni.

Fi Brussell, tneħħa l-Union Jack mill-istituzzjonijiet tal-UE u meta waħda mill-bnadar Britanniċi mistennija tingħata lil mużew f’din il-belt.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, raddet ġieħ liċ-ċittadini tar-Renju Unit ‘li taw kontribut siewi għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea’ iżda l-President tal-Kunsill tal-Ewropa, Charles Michel wissa li l-aċċess tar-Renju Unit għas-swieq tal-UE se jkun aktar ristrett wara Brexit.

Fl-Iskozja – li vvutat biex tibqa’ fl-UE fir-referendum tal-2016 – il-Ministru Ewlieni Nicola Sturgeon qalet li pajjiżha ‘qed jinħareġ mill-Unjoni kontra x-xewqa tal-maġġoranza kbira tal-Iskoċċiżi’. Hi insistiet bl-argument li l-Iskozja ‘kellha l-prospett ta’ futur aħjar bħala pajjiż Ewropew indipendenti u ugwali mal-Istati l-oħra’.