Futbol Sport

Emre Can jingħaqad ma’ Borussia Dortmund

L-esperjenza ta’ Emre Can ma’ Juventus damet biss staġun u nofs hekk kif tħabbar li ngħaqad ma’ Borussia Dortmund. L-eks plejer ta’ Liverpool ingħaqad mal-klabb Ġermaniż b’self sa tmiem l-istaġun u b’obbligazzjoni li l-plejer jinxtara għal €25 miljun li titħallas fuq tliet snin. Dan it-trasferiment sar wara li Dortmund biegħu lil Paco Alcacer lil Villarreal għal €23 miljun.

L-internazzjonali Ġermaniż ta’ 26 sena ngħaqad ma’ Juventus fis-sajf tal-2018 wara li spiċċalu l-kuntratt li kellu ma’ Liverpool. Hu skorja erba’ gowls f’45 logħba. Hu sabha diffiċli biex jikseb post regolari taħt it-tmexxija l-ġdida tal-kowċ Maurizio Sarri. Hu beda biss darbtejn fis-Serie A u daħal bħala sostitut sitt darbiet. Can tħalla wkoll barra mill-iskwadra ta’ Juventus fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Can qal li t-tim ta’ Borussia Dortmund għandu potenzjal kbir u jista’ jirbaħ unur. “Ninsab konvint li nista’ ngħinhom u ninsab ħerqan li nilgħab għall-ewwel darba quddiem dawk il-partitarji li l-klabb hu magħruf tant għalihom madwar id-dinja.”