Internazzjonali Mużika

Fl-Italja jridu jagħmlu bojkott lill-Festival ta’ Sanremo

#IoNonGuardoSanremo – din hija l-hashtag li ġiet miktuba minn aktar minn 3 miljun persuna kontra l-festival tant segwit kemm fl-Italja kif ukoll ankè Malta.

Dan hekk kif bosta qed jisħqu li sena wara oħra t-tmun tal-ġimgħa mużikali Taljana dejjem jingħata f’idejn raġel. Għal din l-edizzjoni l-preżentazzjoni ewlenija ngħatat lill-preżentatur Taljan Amadeus, li ser ikun akkumpanjat b’xejn inqas minn 10 nisa mix-xena tal-ispettaklu.

Waqt konferenza stampa għas-70 edizzjoni tal-Festival ta’ Sanremo Amadeus qajjem kontroversja sħiħa meta ddeskriva kondutriċi minnhom li ser tkun miegħu fuq il-palk tal-Ariston bħala “mara sabiħa u perfetta biex toqgħod pass lura biswit raġel.”

Minkejja li ser ikun hemm 10 nisa, inevittabilment in-nisa Taljani qed iħossuhom oġġetti u issa li ninsabu fis-sena 2020 qed jisħqu li l-mentalità trid tinbidel illum qabel għada.