Lokali Saħħa

Ġenituri mħassba minħabba tifel li ġie lura Malta minn Wuhan

Immaġni mil-laboratorju tal-Coronavirus
Il-Kulleġġ St Edwards jikkundanna l-aġir tal-ġenituri

Il-Kulleġġ St Edwards ikkundanna l-aġir ta’ ġenituri tat-tfal li jattendu l-imsemmija skola li qalu lil uliedhom biex jevitaw tifel li kien għadu kemm ġie miċ-Ċina… speċifikament minn Wuhan.

Ġenituri mħassba bagħtu bit-tħassib tagħhom għal din il-kwistjoni.

Il-kap tal-Kulleġġ qal lill-ġenituri li messhom jistħu li għamlu hekk wara li kienu jafu li t-tifel inkwistjoni ma kienx marid… tant li t-tobba stess kkonfermaw li mhux marid u li jista’ jmur l-iskola.

Fl-ittra tagħhom il-ġenituri juru t-tħassib tagħhom jekk hemmx riskju u jekk il-familjari tiegħu kinux eżaminat jew le. Il-ġenituri saqsew ukoll jekk kienx hemm xi studenti oħra li marru ċ-Ċina dan ix-xahar.

Min-naħa tiegħu, is-Surmast tal-Kulleġġ, N Mac an Bhaird qal li l-iskola infurmat lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika bit-tifel li riċentament kien siefer lejn iċ-Ċina u li kellu xi problemi bin-nifs. Hu qal ukoll li ttieħdu l-miżuri neċessarji kollha fejn wara nstab li t-tifel m’għandu ebda sintomi li huma relatati mal-infezzjoni tal-coronavirus.