Lokali

Ħames persuni l-Isptar wara inċident f’Bormla

Ħames persuni ttieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kienu involuti f’inċident tattraffiku f’Bormla.

Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-disgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fi Triq l-Immakulata, Bormla u kien hemm xi nies li sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Rav 4, misjuqa minn mara ta’ 43 sena, residenti Raħal Ġdid u vettura tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 22 sena residenti Ħal Tarxien. Fit-Toyota Rav 4 kien hemm ukoll raġel ta’ 18-il sena residenti Raħal Ġdid, filwaqt li fit-Toyota Vitz kien hemm mara ta’ 19-il sena residenti Raħal Ġdid u tifel ta’ 12-il sena residenti Bormla.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u permezz ta’ diversi ambulanzi l-persuni kollha li kienu fil-vetturi ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, il-mara ta’ 19-il sena u t-tifel ta’ 12-il sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li loħrajn sofrew minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Ikkummenta

Tags