Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jappella lill-President George Vella

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri appella lill-President ta’ Malta George Vella biex jassumi r-rwol importanti ta’ patrun u difensur tal-interessi tal-kittieba u l-pubblikaturi ….u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ktieb.

Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-Palazz ta’ San Anton, Mark Camilleri ddikjara li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi…. l-industrija tal-kotba u l-kittieba tagħha jibqgħu għajn ta’ tama li tindirizza l-isfidi tal-biża’, iċ-ċensura u d-degradazzjoni politika.

Din kienet l-ewwel darba li ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb saret taħt l-awspiċi tal-President tar-Repubblika, hekk kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iddistakka ruħu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dan wara l-akkuzi serji fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-Kunsill ħass li kellu d-dmir li jissalvagwardja l-interessi tal-imsieħba tiegħu u jiddistanzja lilu nnifsu minn Kastilja.

Camilleri rrimarka li għalkemm Caruana Galizia ma kinitx awtriċi ta’ kotba, xorta kienet waħda minn ta’ ġewwa bħala kittieba, u l-qtil tagħha jibqa’ inaċċettabbli.

Sadattant għal sen’oħra l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb baqa’ jaħdem biex jissapportja lill-industrija u jrawwem l-imħabba għall-qari tant li reġa’ għolla l-valur monetarju tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll żzdied il-livell tal-proċess diġà rigoruż tal-aġġudikazzjoni.

Matul is-serata kienu ppremjati l-kittieba Trevor Zahra, Steve Borg li ħa żewġ unuri kif ukoll Joseph Pirotta, Marie Briguglio u l-kumpanija Kite Group.