“Fl-ebda okkażżjoni ma kien hemm theddida fuq is-sigurtà tad-Deputati Parlamentari waqt li kien hemm xi protesti fuq barra meta xi persuni pprovaw jidħlu fl-istrangers gallery tal-Parlament Malti.”
Dan intqal f’ittra miktuba mill-attivisti tas-soċjeta’ ċivili Rosette Thake, Alexis Callus kif ukoll Marion Pace Axiaq, indirizzata lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.
Dan wara li l-Erbgħa, 29 ta’ Jannar, huma ġew mwaqqfa mir-receptionist tal-Parlament milli jidħlu fl-iStrangers Gallery – minkejja li kienu diġà għaddew mill-proċeduri ta’ sigurtà nfurzati mill-Pulizija.
Huma saħqu li dan l-aġir min-naħa ta’ Anġlu Farrugia kien wieħed anti-demokratiku u spiċċaw iġġudikati mingħajr ebda bażi valida, trattati bħala theddida għar-rappreżentanti tal-poplu. Għaldaqstant insistew li l-imġiebda tal-iSpeaker tal-Kamra qed iċċaħħad liċ-ċittadini milli jidħlu fil-Parlament mingħajr ebda bażi ġustifikata.
Għaldaqstant, huma talbu sabiex jikkoreġi dak li stqarr fil-konfront tagħhom u ta’ ħaddieħor f’każ separat sabiex fil-futur iċ-ċittadini Maltin ma jiġux mwaqqfa milli jaċċessaw l-iStrangers Gallery mingħajr ebda raġuni valida.
