Internazzjonali

In-nirien fl-Awstralja: L-agħar theddida għal snin għar-reġjun ta’ Canberra

L-Awtoritajiet fit-territorju federali tal-Awstralja magħruf bħala Capital Territory iddikjaraw stat ta’ emerġenza meta rrankaw mill-ġdid in-nirien qalb foresta, lejn in-nofsinar ta’ Canberra.

It-theddida min-nirien qed tkun imfissra bġala l-agħar fuq dan il-livell għat-territorju fi kważi  20 sena. Dan meta l-akbar nar – fin-naħa t’isfel tal-Capital Territory – irnexxielu jaħkem ‘il fuq minn 18,500 ettari tal-art.

Ir-residenti qalb is-subborgi ta’ Canberra kienu mwissija biex ‘jibqgħu viġilanti u jżommu allert’ għall-evakwazzjonijiet potenzjali.

Fl-istess ħin, il-Ministru Ewlieni Andrew Barr qal li l-Australian Capital Territory qed jiffaċċja l-akbar periklu mill-bushfires miż-żmenijiet tan-nirien devastanti tal-2003. Marr spjega li l-Gvern tat-Territorju, fil-preżent, qed jagħti priorità assoluta lill-miżuri li jistgħu jrażżnu din it-theddida kbira.

It-territorju inkwistjoni – li jinsab bejn l-ibliet ta’ Sydney u Melbourne – għandu mal-400,000 resident u Andrew Barr qed iwissi li n-nirien kapaċi jsiru ‘inkontrollabbli’ minħabba l-effetti tal-irwiefen u fi żmien meta t-temperaturi fiz-zona qed imissu mal-40 gradi Celsius.

L-agħar inċidenza ta’ nirien hi rappurtata lejn in-nofsinar tad-distrett ta’ Tuggeranong li mhux daqstant ‘il bogħod mill-bini tal-Parlament (Parliament House) f’Canberra.

Dan meta l-istat ta’ emerġenza – li jippermetti aktar riżorsi u ħaddiema għall-emerġenzi lill-awtoritajiet inkarigati mit-trażżin tan-nirien – se jibqa’ effettiv ‘għaż-żmien kollu li Canberra tibqa’ tiffaċċja din it-theddida reali’.