Futbol Sport

Jekk aħna nkunu kapaċi noħorġu t-tajjeb ta’ kulħadd niksbu r-riżultati – Paul Zammit, kowċ ta’ Gżira United

Rapport: Stewart Said

Bdiet uffiċjalment l-era ta’ Paul Zammit bħala kowċ ta’ Gżira United. Il-kowċ ta’ 50 sena kien ilu madwar sena nieqes milli jmexxi tim fil-Kampjonat Premier. Fil-karriera tiegħu ta’ kowċ, Zammit kważi ma waqaf qatt u għalhekk iħoss li din is-sena kienet ta’ ġid għalih għaliex tul dawn is-snin ma kellux ċans li jieqaf u jara dak li jseħħ madwaru.

Zammit se jieħu t-tmexxija tat-tim fir-raba’ post u sitt punti bogħod mill-quċċata bi 11-il logħba għat-tmiem. Għal dan il-fatt, Zammit saħaq diversi drabi li għandhom bżonn jikkonċentraw ħafna fuq dawn it-tliet xhur tal-istaġun.

Id-deċiżjoni ta’ Zammit kienet ibbażata fuq tliet binarji; il-ħsieb tal-klabb li jkompli jikber fil-futur, il-fatt li hemm talent fit-tim u li hu jemmen fih kif ukoll ir-rispett tal-President u tal-amministrazzjoni lejn il-grupp ta’ plejers. “L-għanijiet huma dawk li kienu qabel. L-importanti hu li nsibu l-konsistenza li iżda tiġi logħba wara logħba. Nemmen ħafna fil-kwalità tat-tim. Jekk aħna nkunu kapaċi noħorġu t-tajjeb ta’ kulħadd, niksbu r-riżultati,” kompla Zammit.

Sharlon Pace jemmen fil-viżjoni ta’ Paul Zammit

Il-President tal-klabb Sharlon Pace qal li din l-għażla tkompli tqarreb il-viżjoni tal-klabb lejn il-professjonaliżmu. Hu żied li minbarra t-Team Manager, il-Kit Manager u l-Amministratur, mill-istaġun li ġej il-kowċ Paul Zammit flimkien ma’ uħud mill-istaff tekniku se jkunu full-time.

Hu tkellem dwar id-deċiżjoni li sejjaħ bħala sfurzata, jiġifieri dik li kellu jitneħħa Giovanni Tedesco minn kowċ. Filwaqt li rringrazzjah tal-ħidma tiegħu u semma b’mod partikolari l-kwalifikazzjoni kontra Hajduk Split, Pace qal li meta l-prestazzjonijiet u l-punti ma jkunux ġejjin, ikollhom jittieħdu d-deċiżjonijiet.

“Il-forte ta’ Tedesco kienet li hu motivatur imma nħoss li issa għandna bżonn kowċ b’esperjenza ta’ rebħa u li hu tattikament tajjeb. Aħna nemmnu fil-viżjoni tal-kowċ u l-prijorità tagħna hi li nkomplu nibnu fuq il-pedament. Il-pjan tagħna hu li fit-tliet snin li ġejjin nirbħu unur,” qal Pace.

Tkompli r-relazzjoni ta’ Gżira ma’ Ozo Group

Gżira ġeddew ukoll il-kuntratt ma’ Ozo Group li għar-raba’ sena konsekuttiva se jerġgħu jkunu wieħed mill-isponsors tal-klabb. Fabio Muscat, Kap Eżekuttiv ta’ Ozo Group qal li bħala kumpanija jemmnu fl-istess viżjoni ta’ Gżira United jiġifieri li jkunu l-aqwa fis-settur tagħhom. Hu żied li jemmnu li għandhom jgħinu finanzjarjament biex anki jelevaw l-isport.