L-Oppożizzjoni Nazzjonalista permezz ta’ ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni infurmat bil-miktub lill-Prim Ministru Robert Abela li ma tara l-ebda ħtieġa li tkun ikkonsultata dwar il-ħatra ta’ persuna bħala Regolatur ta’ skema li għamlet u qed tkompli tagħmel ħsara kbira lil pajjiżna.
Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina, l-Oppożizzjoni tfakkar li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew ġew irrapurtati u kkonfermati każijiet ta’ persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li llum huma akkużati jew saħansitra misjuba ħatja ta’ reati serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus, frodi, kuntrabandu, dħul minn korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa.
L-Oppożizzjoni tisħaq li dan kollu ma jixraqx u ma jagħmilx ġieħ lil pajjiżna u għalhekk qegħda tinsisti li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għandha titwaqqaf b’mod immedjat darba għal dejjem.
//= $special ?>