Ekonomija Ewropa Lokali

“Waqqaf l-iskema!” – Adrian Delia mhux se jipparteċipa f’taħdidiet dwar ir-Regolatur

"Skema li kissret ir-reputazzjoni ta' pajjiżna"

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista rrifjutat li tkun involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni biex jinħatar ir-regolatur ġdid għall-iskema dwar il-bejgħ tal-passaporti.

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li minflok insista mal-Prim Ministru Robert Abela biex iwaqqaf din l-iskema li ġabet ħsara fuq livell internazzjonali lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Sa minn Ġunju tal-2019, l-Gvern Laburista Malti biegħ xejn inqas minn 1,198 passaport Malti lill-barranin, b’ħafna minn dawn li qatt ma resqu lejn Malta minkejja li suppost jgħixu hawn għal sentejn.

Dan apparti li ripetutament ħarġu diversi stejjer dwar ‘Maltin ġodda’ li kienu nvoluti fi skandli kbar madwar id-dinja u li qed jaffaċċjaw akkużi li jvarjaw minn ħasil ta’ flus għal korruzzjoni fost oħrajn.

Madankollu, bidla fit-tmexxija tal-pajjiż ġabet kontinwità anke hawn, b’Robert Abela li ddikjara li bħala Prim Ministru lanqas hu mhu se jwaqqaf din l-iskema.