24 siegħa wara li l-Qorti qatgħeta li Owen Bonnici fil-kapaċitajiet tiegħu ta’ Ministru tal-Ġustizzja kien qed jikser id-dritt tal-espressjoni ta’ diversi attivisti kull darba li ordna li jiġu mneħħija x-xemgħat u l-fjuri mpoġġija b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia, l-istess Ministru, illum tal-Edukazzjoni, għadu qed jirrifjuta li mqar jitlob apoloġija lill-attivisti.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalgħet li tort tal-imġieba ta’ Owen Bonnici, is-sit iddawwar fi strument ta’firda. Xi ħaġa li l-Qorti qalet li m’għandu qatt ikun.
Minkejja dan kollu,u minkejja li s-sentenza titkellem dwar pika minn naħa tal-Ministru u minkejja li l-Qorti ddeskriviet l-aġir ta’ Bonnici bħala assurd, mistoqsi dwar iċ-ċamata li qala’ mill-Qorti, il-Ministru baqa’ jirrepeti biss li jekk ingħata messaġġ li t-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat kienet azzjoni pikuża, din kienet interpretazzjoni żbalajta.
Il-ġurnalisti miġbura baqgħu jistennew xi tip ta’ risposta li turi li l-Ministru jasal biex fl-aħħar jammetti li l-aġir tiegħu kien filfatt pikuż u aktar minn hekk fi ksur tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti u li jkun kapaċi jitlob skuża lin-Nazzjon talli b’egħmilu u bl-ordnijiet tiegħu kompla fired minflok għaqqad.
La t-tweġiba u lanqas l-apoloġija baqgħu ma waslu qatt.
//= $special ?>