Formula 1 Sport

Racing Point se jibdlu isimhom mis-sena d-dieħla

(Ritratt EPA)

Mill-istaġun tas-sena d-dieħla, it-tim Racing Point se jibdel ismu għal Aston Martin hekk kif wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni, is-sid biljunarju Lawrence Stroll mexxa konsorzju biex jikseb 16.7% f’Aston Martin għal valur ta’ madwar €216 miljun. Riżultat ta’ dan, Aston Martin se jsir l-isem il-ġdid tat-tim immexxi minn Stroll. Il-ftehim inizjali hu għal għaxar snin. Iżda Aston Martin xorta se jibqgħu sponsors ta’ Red Bull f’dan l-istaġun.

Stroll ħa t-tmexxija tat-tim li kien Force India f’Awwissu tal-2018 wara li t-tim kellu problemi finanzjarji. Is-sena l-oħra huma spiċċaw fis-seba’ post fil-klassifika tal-kostrutturi.

Stroll li se jsir iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Aston Martin wera l-kuntentizza li flimkien mal-konsorzju laħqu ftehim biex jagħmlu dan l-investiment fit-tul. Racing Point li għal dan l-istaġun se jkollhom lil Lance Stroll u Sergio Perez bħala sewwieqa, se jniedu l-karozza fl-Awstrija fis-17 ta’ Frar.

Minkejja li Aston Martin kellhom id-drittijiet ta’ sħubija tal-isem f’Red Bull fl-aħħar staġuni, huma ilhom ma jkollhom tim fil-Formula 1 għal 60 sena. Huma kkompetew bit-tim tagħhom għal żewġ staġuni fl-1959 u l-1960, bl-aħjar riżultat miksub ikun is-sitt post.