Lokali

Robert Abela jwebbes rasu dwar l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti

... imma ma jridx jitkellem dwar il-proġett ta' Muscat

Sigħat biss wara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista infurmat bil-miktub lill-Prim Ministru Robert Abela li ma tara l-ebda ħtieġa li tkun ikkonsultata dwar il-ħatra ta’ persuna bħala Regolatur tal-iskema tal-passaporti,  Robert Abela baqa’ jwebbes rasu li hu se jibqa’ għaddej b’din l-iskema akkost ta’ kollox.

Fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li din l-iskema għandha titneħħa għal kollox, iżda Robert Abela jidher li se jibqa’ għaddej bla ma jagħti każ ħadd.

Abela qed imur kontra dak li insista dwaru d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, ftit tal-ġimgħat ilu waqt il-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Kap tal-Partit Laburista, meta wiegħed kemm-il darba li jwaqqaf din l-iskema.

Robert Abela kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet mill-ġurnalisti li kienu preżenti għal żjara li għamel fil-Millennium Stand u fit-Training Grounds tal-MFA, fejn ma setax jonqos li l-ġurnalisti preżenti kważi kollha staqsew lill-Prim Ministru dwar il-fatt li l-predeċessur tiegħu Joseph Muscat issa jrid imexxi proġett li jinvolvi plejers żgħażagħ tal-football.

Iżda għal dawn il-mistoqsijiet, il-Prim Ministru kien assolutament skomdu jwieġeb u qal li ma jindaħalx fix-xogħol tal-MFA, u li sal-lum għad m’hemm l-ebda deċiżjoni dwar ir-rwol tal-Gvern f’dan il-proġett.

Wara li fl-aħħar jiem, kien hawn għidut persistent li l-Gvern se joħroġ fondi mill-bejgħ tal-passaporti għall-proġett ta’ Muscat, Abela, hawn ukoll, ma riedx jikkummenta.

Intant mistoqsi dwar l-involviment ta’ Joseph Muscat fil-proġett tal-football, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-MFA fl-istatut tagħha tgħid li membri tagħha ma jistgħux ikunu membri Paralamentari.

Muscat kien uża propju l-aħħar messaġġ tiegħu lin-Nazzjon biex iħabbar li wara r-riżenja tiegħu kien se jinvolvi ruħu fi proġett sportiv.