Sport Sport Ieħor

Thiem fil-finali tal-Open tal-Awstralja għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

Dominic Thiem issielet minn set minn taħt biex għeleb lil Alexander Zverev 3-6, 6-4, 7-6, 7-6 u b’hekk se jilgħab għall-ewwel darba l-finali tal-Open tal-Awstralja. Alexander Zverev kien qed jipprova jikkwalifika għall-ewwel finali ta’ Grand Slam.

Thiem li għandu 26 sena, tilef darbtejn il-finali tal-Open ta’ Franza kontra Rafael Nadal u għada jilgħab kontra s-seba’ darbiet rebbieħ u champion renjanti Novak Djokovic. Is-Serb ta’ 32 sena, tilef biss tliet konfronti fl-aħħar 10 tournaments f’Melbourne.

Fl-aħħar snin, il-Grand Slams kienu dominati minn Djokovic, Nadal u Roger Federer. Thiem se jkun qed jipprova jsir l-ewwel tennist li jirbaħ titlu maġġuri u li jkun twieled fis-snin 90. F’logħba li damet tliet sigħat u nofs, kien hemm wkoll l-interuzzjonijiet tax-xita kif ukoll problemi fid-dawl. Thiem deher ftit għajjien wara l-kwarti tal-finali impenjattiva kontra Nadal.

Fl-ewwel set deher ibati ftit iżda fit-tieni set kien aktar preċiż, anki minħabba s-service tal-Ġermaniż li kien fqir. Wara li salva żewġ set points meta kien 5-4 fit-tielet set, Thiem qabad ir-ritmu fit-tie-break u rnexxielu jirbħu.

Dan is-set tah kunfidenza u anki wassal biex ir-raba’ set ġie deċiż b’tie-break ukoll. Hu rnexxielu jmur 4-2 minn fuq wara xi żbalji ta’ Zverev. Il-Ġermaniż naqqas id-distakk iżda f’din il-logħba kienet hemm li kellu jerġa’ jintlagħab, b’Thiem jikseb is-set permezz ta’ winner. Hu kellu tliet match points u għalaq il-konfront bit-tieni match point.