Internazzjonali

Trump: Probabbiltà akbar ta’ maħfra fil-każ għal impeachment

Ritratt AP News

Id-Demokratiċi Amerikani sofrew disfatta kbira fl-isforzi biex jitressqu x-xhieda għal waqt il-proċess attwali ħgħall-impeachment tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Filwaqt li d-Demokratiċi kellhom bżonn li jivvutaw magħhom erba’ Repubblikani biex jippermettu s-smigħ tax-xhieda, wieħed mis-senaturi – Lamar Alexander — qal biċ-ċar li ma kellux jappoġġja din il-miżura. Alexander qal li d-Demokratiċi wrew li ċerta imġieba ta’ Trump ma kenitx xierqa iżda fl-istess ħin hu sostna li dan ‘ma kienx reat li jistħoqqlu impeachment’.

L-aħbar sinifikanti  wittiet it-triq għall-possibbiltà ta’ maħfra mis-Senat għal Trump. Fil-fatt, l-osservaturi ma eskludewx li ‘il-maħfra tista’ anki tkun ikkonfermata fi kwistjoni ta’ sigħat’.

Dan meta d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni anki kienu qed jittamaw li jtellgħu bħala xhud lill-eks Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali John Bolton li, skont ir-rapporti, qal li Trump kien infurmah direttament ‘li żamm lura l-għajnuna militari lill-Ukrajna sakemm din kellha taqbel biex tinvestiga lil Joe Biden, Demokratiku u rivali kbir tal-President.

Madankollu, Lamar Alexander, li jirrappreżenta lill-Istat ta’ Tennessee fis-Senat Amerikan, qal li għalkemm id-Demokratiċi wrew l-azzjonijiet ta’ Trump ‘ma kenux xierqa’ ma hemm l-ebda ħtieġa għal aktar provi relatati għal ‘xi ħaġa li diġà nafu biha u li ma tirrikjedix process għal impeachment’.

It-tamiet tad-Demokratiċi kienu jirrigwardaw erba’ senaturi Repubblikani – Mitt Romney, Lisa Murkowsi, Susan Collins u Lamar Alexander – li lkoll flimkien, u bħala parti minn ‘kollettiv’, setgħu jaċċertaw mill-51 vot neċessarju biex jissejjħu x-xhieda fil-każ għall-impeachment.

Iżda l-pożizzjoni ta’ Alexander tfisser li r-Repubblikani jistgħu jostakolaw il-miżura minbarra li jikkonkludu l-proċess ta’ Trump b’maħfra ( li hi mistennija). Ir-Repubblikani ta’ Trump għandhom maġġoranza ta’ 53-47 fis-Senat ta’ Washington fejn ikun jinħtieġ vot ta’ żewġ-terzi tal-membri biex jitneħħa President tal-Istati Uniti.

Intant, in-naħat interessati qed jippreparaw l-argumenti tal-għeluq fis-sessjoni tallum u qabel is-Senat jivvota dwar jekk iridux jinstemgħu x-xhieda. Dan fost indikazzjonijiet li l-mozzjoni hi destinata biex tfalli.