Futbol Sport

Vittoriosa lura għar-rebħ wara erba’ logħbiet u Fgura jwaqqfu l-mixja ta’ St. Andrews

(Ritratt: Matthew Tabone)

QRENDI ……………… 1

VITTORIOSA S ……. 3

Qrendi: D. Zarb, R. Mercieca, G. Muscat, J. Perreira, D. Azzopardi, E. Vella, S. Perdomo, L. Martinelli, A. Nilsson, L.J. Schembri, C. Camilleri (B. Sammut 71’)

Vittoriosa: D. Bugeja, C. Spiteri, J. Briffa, I. Abela, D. Grima, D. Tabone, O. Sidibe, K. Vella (J. Pace 74’), O. Guerrero, R. Sgaria Farias, L. Casha (G. Sultana 63’)

Referee: Slawomir Olucha

Vittoriosa Stars irritornaw għar-rebħ wara serje negattiva ta’ erba’ logħbiet meta għelbu lil Qrendi biex kisbu tliet punti ferm importanti, hekk kif jidher li t-taqtigħa għal min se jaqa’ se tkun waħda mill-iktar inċerta sal-aħħar.

Fl-ewwel ħinijiet tal-partita l-logħob żvolġa f’nofs il-grawnd bi Qrendi joħolqu l-ewwel azzjoni wara 11-il minuta meta Jose Pereira wasal tard għal kross minn fuq il-lemin biex iċ-ċans intilef.  Fl-20 minuta waslet ir-risposta ta’ Vittoriosa meta xutt minn qagħda tajba ta’ Dario Tabone wara kross ta’ Renan Sgaria Farias għadda ftit għoli.

Ħames minuti wara Qrendi resqu viċin li jiftħu l-iskor meta f’azzjoni veloċi, Alexander Nilsson qabad ballun f’nofs grawnd u minkejja li kien issikkat minn żewġ difensuri, avvanza, daħal fil-kaxxa, qassam lejn Giuseppe Muscat u x-xutt ta’ dan ġie salvat minn Dorian Bugeja.  Minuta wara Vittoriosa fetħu l-iskor meta RENAN SGARIA FARIAS ikkonkluda fix-xibka b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Clive Spiteri.  Qrendi ppruvaw jagħmlu reazzjoni bl-aħjar ċans għalihom jasal fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima meta xutt mill-bogħod ta’ Lee Joe Schembri għadda ftit għoli.

Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Vittoriosa rdoppjaw meta OUSMANE SIDIBE għeleb lil Dunstan Zarb b’daqqa ta’ ras wara korner mogħti minn Renan Sgaria Farias. Fis-57 minuta Qrendi naqqsu l-iskor u reġgħu daħlu fil-partita bejn SEBASTIAN PERDOMO kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa.

Wara dawn iż-żewġ gowls fi ftit minuti, il-partita saret aktar movimentata b’Vittoriosa jissiġġillaw ir-rebħa mad-90 minuta meta Oscar Guerrero ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Luca Martinelli. Ir-referee wera l-karta l-ħamra lid-difensur ta’ Qrendi u ordna penalty li minnu GIANLUCA SULTANA ma falliex.

Fgura jwaqqfu l-mixja tas-Saints

ST. ANDREWS ………. 0

FGURA U. …………….. 0

St.Andrews: N. Grima, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, K.Reid (M. Vella Vidal 82’), J. Farrugia, M. Bartolo, A. Borg Olivier, J. Sixsmith, C. Attah, L.A. Borg (M. Veselji 67’), K. Jackson

Fgura: B. Bartolo, C. Ciantar (P. Chircop 77’), J. Stenson, J. Barbara, S. Abela, G. Martin, C. Gandini, G. Ferreira de Souza (D. Cartella 73’), S. Borg (T. Grech 8’), A. Toncheff, G. Galea

Referee: Aleksandar Jovanovic

Fgura United kisbu punt prezzjuż meta żammew fi draw ta’ mingħajr gowls lil St. Andrew’s li għalihom fallew żewġ punti ferm importanti fil-mixja tagħhom lejn il-promozzjoni. Minkejja li ntemmet mingħajr gowls, il-logħba kienet ferm intensa u interessanti u minkejja li s-Saints attakkaw iktar, Fgura ma serqu xejn u l-punt miksub kien wieħed tassew meritat.

Fgura kienu sfortunati li wara ftit minuti kellhom jibdlu lil Shaun Borg li weġġa’ u ma setax ikompli. Minkejja li St. Andrew’s kellhom iktar pussess tal-ballun u ippruvaw jagħmlu l-logħba iżda Fgura kienu ferm organizzati u dixxiplinati u s-Saints bdew isibuha bi tqila jersqu lejn Bartolo.

L-ewwel tentattiv wasal fl-24 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Attah u żewġ minuti wara l-ewwel azzjoni verament tajba tas-Saints fejn Jackson mil-lemin għadda tajjeb u qassam lejn Luke Borg li minn qagħda ideali xeħet inkredibbilment barra. Fil-35 minuta, St. Andrew’s kienu sfortunati meta xutt bomba mid-distanza ta’ Jamie Sixsmith stampa mal-lasta. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima opportunità għal Fgura bil-ħarġa tal-gowlkiper Grima f’saqajn Ferreira.

It-tieni taqsima kompliet bl-istess andament bis-Saints il-ħin kollu fuq l-attakk. Mas-siegħa logħob free-kick ta’ Joseph Farrugia u intervent tajjeb tal-gowlkiper Bartolo li dawwar għal korner. Fit-63 minuta ħarġa difettuża tal-gowlkiper ta’ St. Andrew’s, bid-daqqa ta’ ras ta’ Abela tkun salvata minn fuq il-linja minn D’Alessandro. L-aħħar minuti kienu kważi ta’ assedju minn St. Andrew’s iżda l-gowlkiper Bartolo qatt ma kien f’periklu.