Futbol Sport

Chelsea jittamaw li jsaħħu r-raba’ post b’konfront kontra Leicester

(Ritratt: Premier League)

L-attenzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa fil-Premier League tkompli ddur mat-taqtigħa għar-raba’ post li jfisser post fil-UEFA Champions League staġun ieħor.

Chelsea fil-preżent jinsabu fir-raba’ post b’40 punt u llum imorru fil-King Power Stadium kontra Leicester. Minbarra li jsaħħu r-raba’ post, it-tim ta’ Frank Lampard se jipprova wkoll li jnaqqas id-distakk minn ma’ Leicester għal ħames punti. Għalkemm qed ikollhom staġun pożittiv, Leicester ġejjin minn diżappunt li fallew milli jgħaddu għall-finali tal-League Cup. Fl-aħħar tliet logħbiet fil-kampjonat, Leicester kisbu biss tliet punti. Chelsea fuq in-naħa l-oħra kisbu biss ħames punti mill-aħħar erba’ logħbiet.

Konfront ieħor mistenni hu dak ta’ għada bejn Tottenham Hotspur u Manchester City fit-Tottenham Hotspur Stadium. Manchester City fil-preżent jinsabu fit-tieni post b’51 punt iżda d-distakk ta’ 19-il punt minn ma’ Liverpool jagħmilha kważi impossibbli li jerġgħu jirbħu l-kampjonat. L-unika motivazzjoni ta’ City fil-kampjonat hi li jsaħħu t-tieni post u jipposponu kemm jistgħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Liverpool. Tottenham fuq in-naħa l-oħra rritornaw għar-rebħ fil-kampjonat kontra Norwich wara li fl-erba’ logħbiet ta’ qabel kisbu żewġ punti. Fil-preżent Tottenham jinsabu fis-sitt post u sitt punti bogħod mir-raba’ post.

L-akkwist ta’ Bruno Fernandes u r-rebħa fil-League Cup kontra Manchester City, nisslu ftit fiduċja li jista’ jkun hemm titjib fil-kampjonat ta’ Manchester United. Ir-Red Devils ġejjin minn tliet telfiet fl-aħħar erba’ logħbiet fil-kampjonat, madankollu jinsabu fil-ħames post. Huma għandhom konfront diffiċli kontra Wolves, tim li dejjem jagħti sfida u lir-Red Devils mhux b’inqas. Bejn l-istaġun li għadda u dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet iltaqgħu sitt darbiet u kien biss fl-aħħar konfront fl-FA Cup li Manchester United ħarġu rebbieħa.

Premier League

Illum: Leicester v Chelsea 1.30pm, Bournemouth v Aston Villa 4.00pm, Crystal Palace v Sheffield United 4.00pm, Liverpool v Southampton 4.00pm, Newcastle v Norwich 4.00pm, Watford v Everton 4.00pm, West Ham v Brighton 4.00pm, Manchester United v Wolves 6.30pm

Għada: Burnley v Arsenal 3.00pmTottenham v Manchester City 5.30pm