Internazzjonali Lokali Saħħa

CORONAVIRUS: In-numru ta’ vittmi jitla’ għal 259 persuna

Ifeġġ l-ewwel każ ta’ dan il-virus fi Spanja. Il-Ministru tas-saħħa Spanjol qal li kien hemm l-ewwel persuna li ġiet konfermata li għandha l-coronavirus.

Dan hekk kif ilbieraħ kemm fl-Italja, ir-Renju Unit u r-Russja feġġew l-ewwel każi.

Hekk kif il-coronavirus ġie meqjus bħala emerġenza ta’ saħħa globali… in-numru ta’ vittmi qed ikompli jikber. S’issa n-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom jammonta għal 259 persuna, kollha fiċ-Ċina.

Ċittadini Amerikani li rritornaw mill-provinċja ta’ Hubei, fejn oriġina dan il-virus, se jitpoġġew taħt kwarantina għal 14 jum.

S’issa ġew konfermati kważi 12,000 każ tal-coronavirus, ħafna minnhom fiċ-Ċina. Aktar minn 100 każ ġew irrapportati barra miċ-Ċina, fi 22 pajjiż differenti.

L-ammont tal-infezzjonijiet bil-Coronavirus madwar id-dinja issa qabeż il-każi assoċjati mal-epidemija tas-SARS, li fl-2003 kienet infirxet f’aktar minn 20 pajjiż.

Sa issa, f’pajjiżna ma kien hemm l-ebda rapport ta’ każi relatati ma’ virus ta’ dan it-tip, għalkemm l-Isptar Mater Dei u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jirċievu bosta telefonati u rapport ta’ persuni mħassba minħabba l-influwenza.